Waqt il-Konferenza Ġenerali Annwali tal-Unit għall-Orjentazzjoni Sesswali, Identità tal-Ġeneru, Espressjoni tal-Ġeneru u Karatteristiċi Sesswali (SOGIGESC) fi ħdan id-Direttorat tad-Drittijiet tal-Bniedem, is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza Rosianne Cutajar laqgħet il-pubblikazzjoni tar-rapport annwali relatat mal-implimentazzjoni tal-Istrateġija ta’ Ugwaljanza LGBTIQ u l-Pjan ta’ Azzjoni.
Ir-rapport ta’ din is-sena jasal fin-nofs tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija ta’ Ugwaljanza LGBTIQ u l-Pjan ta’ Azzjoni 2018-2022, dokument li avvanza b’mod konsiderevoli l-viżjoni li tkun LGBTIQ issir sempliċiment fatt tal-ħajja, u mhux fattur determinanti fil-moviment wieħed fis-soċjetà.
Is-Segretarju Parlamentari Cutajar qalet li hi kuntenta li qed tmexxi ’l quddiem l-Abbozz ta’ Liġi dwar l-Ugwaljanza u l-Abbozz ta’ Liġi tal-Kummissjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Ugwaljanza, żewġ proposti leġiżlattivi deċiżivi fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u n-nondiskriminazzjoni.
Is-Segretarju Parlamentari Cutajar żiedet tgħid li Malta tkompli titqies bħala mexxejja fil-qasam tal-ugwaljanza LGBTIQ, wara li għall-ħames sena konsekuttiva kklassifikat fl-ewwel post tal-ILGA-Europe Rainbow Index. Irreferiet għall-istħarriġ tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea tad-Drittijiet Fundamentali ppubblikat aktar kmieni din is-sena li poġġa lil Malta f’pożizzjoni aħjar mill-medja Ewropea. Huwa f’dan l-ispirtu li l-Unit taqsam ukoll l-aħjar prattika ta’ Malta ma’ pajjiżi sħabha kif u koll tippromwovi l-ugwaljanza LGBTIQ permezz tal-ambaxxaturi u tar-rappreżentanti permanenti ta’ Malta.