Immedjatament wara l-ġurament tal-ħatra tiegħu t-Tnejn bħala Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Indafa Pubblika, Glenn Bedingfield żar lill-ħaddiema tad-Diviżjoni tal-Indafa Pubblika f’Ħal Luqa, flimkien mal-Ministru għat-Turiżmu, Clayton Bartolo.
Fl-ewwel indirizz tiegħu, hu rringrazzja lill-ħaddiema tax-xogħol li qed iwettqu u ħeġġeġ lil kulħadd, inkluż il-poplu sħiħ, biex fi sforz kollettiv inkomplu nieħdu ħsieb aktar pajjiżna.
Il-Ministru Bartolo wkoll irringrazzja lill-ħaddiema tal-impenn tagħhom u tkellem dwar l-investiment kbir li d-Diviżjoni qed twettaq kemm fir-riżorsa umana kif ukoll fil-vetturi u l-makkinarju li se jwasslu biex pajjiżna jkun fi stat aħjar u isbaħ.
Fil-fatt id-Diviżjoni x-xahar li għadda ħabbret investiment fi tlieta u sebgħin vettura, inġenji u makkinarju, kollha elettriċi, li bdew jintużaw għaż-żamma tal-indafa pubblika. Il-makkinarju, li parti minnu hi wkoll robotika, kien possibbli b’investiment ta’ seba’ miljun ewro, fosthom minn fondi Ewropej.
Waqt iż-żjara fil-kwartieri tad-Diviżjoni f’Ħal Luqa, fejn kienu akkumpanjati mis-Segretarju Permanenti Anthony Gatt, il-Ministru u s-Segretarju Parlamentari ntlaqgħu mid-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni, Ramon Deguara.