Is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu SoċjaliAndy Ellul għamel żjara fl-uffiċini l-ġodda ta’ Signal 8 Security, li nfetħu riċentement, wara li ngħataw l-ewwel 34 liċenzja għall-aġenziji tax-xogħol (temping agencies).
Waqt iż-żjara tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Ellul kellu l-opportunità jiltaqa’ mat-tmexxija u l-impjegati ta’ Signal 8 Security, fejn faħħar l-inizjattiva tal-kumpanija biex tiftaħ uffiċini ġodda li se jkunu ċentru ewlieni għall-operat tagħhom. Huwa enfasizza l-importanza li l-aġenziji tas-sigurtà joperaw b’mod professjonali u trasparenti.
“Il-ħruġ tal-liċenzji għat-temping agencies huma pass fundamentali biex niżguraw li l-oqsma tax-xogħol ikunu regolati b’mod effettiv u li l-ħaddiema jkollhom l-aħjar taħriġ u riżorsi,” qal is-Segretarju Parlamentari Ellul.
Signal 8 Security hija waħda mill-aġenziji ewlenin fil-qasam tas-sigurtà f’Malta. Il-ftuħ tal-uffiċini l-ġodda se jipprovdi spazju modern u adegwat għall-operat tagħhom u se jippermetti lill-kumpanija tkompli tespandi u ttejjeb is-servizzi tagħha. Dan se jwassal ukoll għal aktar opportunitajiet ta’ xogħol fil-qasam tas-sigurtà.
Is-Segretarju Parlamentari Ellul temm jgħid li dawn l-uffiċini l-ġodda huma xhieda tal-progress li qed isir f’dan il-qasam u tenna l-impenn tal-gvern li jkompli jappoġġja inizjattivi bħal dawn.