“Din il-kompetizzjoni tagħti l-opportunità lill-konsumaturi u lin-negozji biex itejbu u jsaħħu r-relazzjoni ta’ bejniethom. Fil-fatt, l-iskop ewlieni għalfejn inħoloq dan il-premju hu li jinkoraġġixxi u jippromwovi prattiċi ta’ negozju li huma ta’ benefiċċju għall-konsumaturi”, spjega is-Segretarju Parlamentari Deo Debattista waqt it-tnedija ta’ Premju Servizz bi Tbissima fil-preżenza taċ-Chairperson tal-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur Helga Pizzuto.
B’dan il-premju se jiġu rikonoxxuti dawk il-bejjiegħa li jimxu mal-liġijiet li jipproteġu lill-konsumaturi u li joffru lill-konsumaturi għajnuna u rimedji li legalment mhumiex obbligati joffru.
“Il-lealtà tal-konsumaturi għandha rwol importanti fid-destin ta’ negozju u tista’ tiddetermina jekk negozju jirnexxix jew ifallix. Illum il-ġurnata hemm kompetizzjoni qawwija fis-suq, kemm minn bejjiegħa oħra lokali kif ukoll minn bejjiegħa barranin u l-konsumatur sar ħafna aktar b’saħħtu”, qal is-Segetarju Parlamentari.
Iċ-Chairperson tal-MCCAA Helga Pizzuto qalet li dan il-premju jirrifletti l-importanza li l-Awtorità tagħti biex titjieb u tissaħħaħ ir-relazzjoni bejn il-konsumaturi u n-noegozjanti. Dan ifisser inqas tilwim bejn iż-żewġ partijiet. L-Awtorità rat tnaqqis konsiderevoli fl-ilmenti, bil-figuri jonqsu b’iktar minn 25% fl-aħħar tliet snin. Dan jindika li hemm iktar għarfien tad-drittijiet tal-konsumaturi u kompetizzjoni b’saħħitha għall-benefiċċju tal-konsumaturi.
Inġ. Pizzuto spjegat li bħall-edizzjoni tas-sena li għaddiet, il-kompetizzjoni ta’ din is-sena tkopri ħames kategoriji prinċipali ta’ negozji: bejjiegħa lokali online, negozji li joffru servizzi fi ħdan is-settur tal-ivvjaġġar, negozji li jbigħu prodotti elettroniċi u oġġetti tad-dar, supermarkets u minimarkets u ħwienet li jipprovdu prodotti u servizzi fil-moda u fis-sbuħija. Il-kompetizzjoni tista’ tiġi aċċessata permezz tal-paġna ta’ Facebook tal-MCCAA jew il-website www.mccaa.org.mt. Il-perjodu tal-kompetizzjoni hu miftuħ mill-Ħamis 24 ta’ Mejju 2018 sal-Erbgħa 4 ta’ Lulju 2018.
Deo Debattista appella lill-konsumaturi biex jipparteċipaw f’din il-kompetizzjoni kif ukoll lill-kumpaniji lokali biex jippromwovu din il-kompetizzjoni. “Dan il-premju għandu jkun għodda li permezz tagħha nirrikonoxxu l-aqwa kumpaniji lokali u għandu jservi ta’ inċentiv biex aktar kumpaniji jtejbu s-servizz li jagħtu għax dan bla dubju jirriżulta f’suċċess ekonomiku akbar”, ikkonkluda s-Segretarju Parlamentari.