Is-Segretarju Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur u Valletta 2018 Deo Debattista huwa l-ewwel Membru tal-Parlament li se jkun ambaxxatur tal-kampanja ‘StopStigma’, kampanja li tfasslet mill-istudenti tad-Dipartiment tas-Saħħa Mentali u mill-Kummissjoni għas-Saħħa Mentali f’Novembru li għadda.
Il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta wkoll issieħeb ma’ din il-kampanja.
‘StopStigma’ għandha l-għan li ssaħħaħ il-ġlieda kontra l-istigma u l-perċezzjoni skorretta li hawn dwar is-saħħa mentali.
“Is-saħħa u d-dinjità tal-individwu huma prijoritajiet tagħna bħala Gvern, u b’kampanji bħal dawn se nqajmu aktar għarfien dwar kundizzjonjiet differenti ta’ saħħa mentali, il-kura li hawn disponibbli, kemm bil-mediċina u kemm permezz ta’ counselling, u se nħeġġu biex dak li jkun ma jibqax isofri fis-skiet minħabba l-perċezzjoni tal-pubbliku”, enfasizza s-Segretarju Parlamentari Debattista.
“Il-messaġġ ta’ ‘StopStigma’ huwa ċar. M’intix waħdek, u m’intix dgħajjef għax għaddej minn xi problemi ta’ saħħa mentali”, temm jgħid is-Segretarju Parlamentari, filwaqt li ħeġġeġ biex iktar persuni jissieħbu f’kampanji ta’ dan it-tip sabiex dejjem ikun hawn aktar għarfien dwar kundizzjonijiet ta’ saħħa mentali.