Is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali Clint Camilleri llum żar l-iskola primarja Ta’ Sannat, Għawdex fejn kien inawgurat il-proġett ambjentali ‘Harvest the Drop to Harvest a Crop’ li jiffoka fuq il-ġbir, il-ħażna u l-użu tal-ilma tax-xita. Permezz tad-Dipartiment tal-Iżvilupp Rurali, is-segretarjat ta għajnuna finanzjarja għal dan il-proġett.
Clint Camilleri nnota b’sodisfazzjon li l-iskart veġetali li joħroġ mit-tkabbir tal-ħxejjex fil-ġonna tal-iskola ser jintuża bħala parti mill-għalf għat-tiġieġ li jitrabbew fil-gallinar fil-ġnien tal-iskola. Barra minn hekk, bebbux u larva tal-farfett abjad Pieris rapae ser jinġabru mill-ġonna tal-iskola mill-istudenti u jingħataw lit-tiġieġ. Dan ser isir biex jiġi evitat l-użu ta’ pestiċidi fuq il-ħxejjex li ser jitkabbru fl-iskola. B’hekk, it-trobbija tat-tiġieġ ser tkun parti minn ċiklu sostenibbli u organiku li jinvolvi l-konservazzjoni tal-ilma, agrikoltura u kontroll mingħajr kimiċi.
Is-Segretarju Parlamentari Camilleri qal li huwa ta’ sodisfazzjon għalih li jara skejjel bħal dawn jikkontribwixxu fi proġetti dwar il-konservazzjoni tal-ilma u t-tibdil fil-klima. Huwa stqarr li dan il-proġett se jgħin lill-istudenti jitgħallmu jkunu aktar responsabbli u jieħdu r-riedni f’idejhom fejn jidħlu temi ambjentali u l-użu tal-ilma tax-xita. L-għan tiegħu huwa fil-fatt li jrawwem kuxjenza dwar l-importanza tal-ilma tax-xita u kif dan l-ilma jista’ jintuża għal tant proġetti edukattivi bħall-edukazzjoni ambjentali.
Clint Camilleri spjega kif dan il-Gvern dejjem ra kif jista’ jsostni u jsaħħaħ l-qasam tal-agrikoltura fosthom billi jħajjar aktar bdiewa u raħħala żgħar biex jidħlu f’dan is-settur. Għalhekk proġett bħal dan, permezz ta’ tkabbir ta’ ħxejjex qiegħed jerġa’ jgħaqqad l-istudenti mad-dinja agrikola. Hawnhekk esprima s-sodisfazzjoni tiegħu li dan kollu ser ikun parti mill-qafas kurrikulari tal-klassijiet.
Min-naħa tagħha, il-Kap tal-Iskola Pauline Grech sqarret li l-implimentazzjoni ta’ dan il-proġett inqasmet fi tliet fażijiet. L-ewwel fażi kienet tikkonsisti fl-installazzjoni ta’ katusi tal-ilma li qed jiġbru l-ilma kollu tax-xita li jaqa’ fuq il-bini fejn illum hemm l-Ispecial Unit. Fit-tieni fażi beda jinġabar l-ilma tax-xita f’ġibjun taħt l-art u, permezz ta’ pompa, qed jittella’ għal ġo tank kbir tal-ilma fuq il-bejt tal-iskola. Min dan it-tank tqassmu friegħi ta’ irrigazzjoni li bihom jissaqqew għadd ta’ ħxejjex tal-kċina li ser jitħawlu ta’ kull sena fil-ġonna tal-iskola. Din is-sistema ser tieħu post is-sistema ta’ tisqija eżistenti li bħalissa hi mqabbda mal-main tal-ilma. U t-tielet fażi tal-proġett tinvolvi t-trobbija ta’ tiġieġ tal-ispeċi awtoktona u endemika ‘Tiġieġa Sewda Maltija’.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali Clint Camilleri temm jgħid li minbarra li l-istudenti jitgħallmu jaħdmu flimkien dan se jwassal fost l-oħrajn għal tagħlim favur futur sostenibbli u ambjent aħjar. Wara kollox din hija t-triq ‘il quddiem sabiex ilkoll ngħixu f’ambjent li jixirqilna.
Ritratt: MESDC_PS