Is-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri, waqt il-laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri tal-Agrikoltura u s-Sajd li qegħda titlaqqa’ ġewwa Brussell, saħaq kif Malta qed taqbel u tixpruna proposta sabiex fir-regolamenti l-ġodda, setturi oħra bħal dawk tat-tiġieġ, tal-fniek, tal-majjal, tal-bajd, u dawk tal-laħam ikunu eliġibbli huma wkoll għall-Fondi Ewropej.
Taħt il-pakkett eżistenti, hemm fondi li huma allokati għall-Producer Organisations stabbiliti, u mhux għall-koperattivi u organizzazzjonijiet oħra li jaħdmu f’dan is-settur. “Il-proposta li qegħda tiġi diskussa u li bħala pajjiż qegħdin nimbuttaw hija waħda aktar inklussiva. Irridu naraw li l-koperattivi u l-organizzazzjonijiet li jaħdmu f’dan il-qasam ukoll jibbenefikaw minn dawn il-fondi, biex b’hekk is-settur jista’ jieħu spinta ‘l quddiem permezz ta’ din l-għajnuna.” Sostna dan is-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri, waqt li indirizza s-sessjoni plenarja tal-Kunsill tal-Ministri tal-Agrikoltura u s-Sajd.
Is-Segretarju Parlamentari Camilleri qal ukoll li bdiewa u rziezet ta’ skala żgħira għandhom jibqgħu jkunu eżentati mill-obbligi marbuta ma’ pagamenti diretti. Malta ssostni wkoll l-importanza li tiġi assigurata biżżejjed flessibilità u sussidjaretà, billi l-applikazzjoni tal-ekoskemi issir fuq bażi volontarja għall-Istati Membri. B’hekk jiġi żgurat li b’ammont limitat ta’ pagamenti diretti, Stati Membri bħal Malta jagħmlu l-aħjar użu mill-fondi allokati għalihom.