Is-Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar u s-Suq tal-Proprjetà Chris Agius it-Tlieta attenda l-ExpoReal li ttellgħet fi Munich fil-Ġermanja. L-għan ta’ din il-fiera kien li tlaqqa’ diversi organizzazzjonijiet li joperaw fl-industrija tal-proprjetà. Is-Segretarju Parlamentari kellu l-okkażjoni jiltaqa’ ma’ numru ta’ aġenziji tal-proprjetà flimkien ma’ kumpaniji li joffru servizzi finanzjarji u oħrajn li joperaw fis-settur diġitali f’Malta. Dawn ħadu sehem b’esebizzjoni taħt il-kappa ta’ Property Malta, entità li taqa’ taħt ir-responsabilità tas-Segretarju Parlamentari.
Is-Segretarju Parlamentari Agius ipparteċipa anke f’diskussjoni dwar il-proprjetà bħala parti minn panel ta’ nies. “Is-suq tal-proprjetà f’pajjiżna ilu matul dawn l-aħħar snin għaddej minn tkabbir sostanzjali bħala riżultat ta’ tkabbir ta’ setturi oħra. Huwa importanti li nitkellmu fuq il-vantaġġi li jeżistu meta wieħed jagħżel li jinvesti f’pajjiżna, anke fir-rigward tas-suq tal-proprjetà u għalhekk il-parteċipazzjoni ta’ Property Malta f’din il-fiera kienet essenzjali biex nippromwovu dak kollu li pajjiżna għandu x’joffri f’dan ir-rigward,” tenna s-Segretarju Parlamentari.