Is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul attenda għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tal-Ministri li jieħdu ħsieb l-Impjiegi u l-Politika Soċjali fi Brussell.
Waqt dan il-Kunsill, il-Ministri ddiskutew aspetti importanti dwar il-qasam tax-xogħol, fosthom in-nuqqas ta’ ħaddiema u ħiliet fl-Unjoni Ewropea, kif wkoll l-inklużjoni soċjali ta’ persuni b’diżabilità fil-livell Ewropew u dak nazzjonali.
Is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul saħaq li Malta, bħal Stati Membri oħra wkoll għandha sfidi differenti fis-settur tax-xogħol anki quddiem rata baxxa ta’ qgħad li hi l-inqas fl-istorja. Ellul kompla jispjega li l-Gvern se jkompli jaħdem sabiex dawn sfidi marbuta ma’ ħiliet u nuqqas ta’ ħaddiem f’ċertu setturi se jkomplu jiġu indirizzati anki permezz ta’ ħidma dwar profil tas-settur tax-xogħol Malti.
Is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul faħħar ix-xogħol li qiegħed isir mill-entitajiet pubbliċi sabiex il-ħaddiema jkomplu jtejbu l-ħiliet tagħhom permezz ta’ taħriġ kontinwu kif wkoll saħaq li d-djalogu soċjali għandu rwol importanti f’dan ir-rigward. Dr Ellul spjega li taħdidiet bejn l-imsieħba soċjali huma regolari u li dawn diskussjonijiet jgħinu lill-Gvern Malti jieħu deċiżjonijiet importanti wara li jkun sema’ l-ideat tal-imsieħba soċjali.
Is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul kompla jispjega li l-Gvern huwa kommess u se jkompli jaħdem sabiex kulħadd ikollu l-istess opportunitajiet u ħadd ma jitħalla lura. F’dan ir-rigward, is-Segretarju Parlamentari enfasizza l-importanza tal-inklużjoni, kif wkoll għajnuna kontinwa lil dawk il-persuni li għandhom bżonn t’iktar assistenza sabiex jidħlu fis-suq tax-xogħol.
Is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul semma l-eżempji ta’ programmi bħall-‘Way to Work’ u l-‘VASTE II’, li jgħinu lill-persuni b’diżabilità jsaħħu l-ħiliet tagħhom bil-għan li jidħlu fis-suq tax-xogħol.