Is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul jinsab għaddej b’impenn uffiċjali fi Spanja bħala parti minn programm ta’ laqgħat organizzati mill-Presidenza Spanjola tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
Flimkien ma’ ministri minn diversi stati membri tal-Unjoni Ewropea u rappreżentanti mill-istituzzjonijiet Ewropej, Andy Ellul qed jieħu sehem f’numru ta’ laqgħat ta’ livell għoli dwar il-futur tax-xogħol u tad-djalogu soċjali fil-pajjiżi Ewropej.
Is-segretarju parlamentari indirizza konferenza dwar il-futur tax-xogħol u tad-djalogu soċjali fl-Ewropa, fejn saħaq dwar l-importanza li ma nħallux l-isfidi tat-transizzjoni diġitali u dawk ambjentali jżommuna lura u li għandna nsibu modi kif nutilizzaw l-intelliġenza artifiċjali favur il-ħaddiema. L-għan hu li noħolqu opportunitajiet ta’ xogħol aħjar u ngħinu lill-ħaddiema jiksbu ħiliet ġodda għad-domanda ta’ dawn l-opportunitajiet.
Il-Presidenza Spanjola qed tiffoka ħafna mix-xogħol tagħha fuq id-dinja tax-xogħol biex mhux biss tkompli tikber l-ekonomija, imma wkoll tkompli ssir ħidma għal tranżizzjoni ekoloġika ġusta favur l-ambjent.
Matul dawn il-laqgħat ġew diskussi diversi modi li jassiguraw il-ġid tal-poplu billi fuq kollox jitjiebu l-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol, kif ukoll tissaħħaħ il-protezzjoni soċjali.