Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Michael Piccinino għażel li jipprova jwitti t-triq għal Bernard Grech sabiex dan jikseb il-fiduċja li għandu bżonn biex jibqa’ Kap.
Dan f’diskors li għamel f’Kunsill Ġenerali u li fih ppreżenta mozzjoni f’isem l-eżekuttiv biex skont l-istatut, il-Partit Nazzjonalista jmur għal elezzjoni għal Kap wara telfa elettorali.
Fid-diskors li għamel huwa pprova jneħħi kemm jiflaħ mill-importanza li għandu l-proċess elettorali ta’ ħatra ta’ Kap għal Partit Nazzjonalista.
Fi kliemu ftit għandha importanza l-għażla dwar min ser jokkupa l-kariga tat-tmexxija.
Piccinino qal, “Pero dan id-djalogu m’għandux ikun u allaħares ikun illimitat biss għal min għandu jokkupa liema kariga.”
Piccinino li kien inħatar Segretarju Ġenerali ftit wara l-ħatra ta’ Bernard Grech bħala Kap, issa spiċċa jtenni li jekk ikun hemm kontestazzjoni għat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista, il-partit ikun qed jiġi ridott għal logħba musical chairs.
Hu rrimarka, “Din mhux logħba u m’ għandniex nilagħbu musical chairs bil-Partit Nazzjonalista.”
Piccinino, li wkoll għandu kariga x’jipproteġi, stqarr li jekk f’dan iż-żmien il-Partit Nazzjonalista jagħmel tibdil fit-titli u l-karigi, iż-żmien ser jiġġudikah b’mod negattiv.
Hu qal, “Nistgħu nużawh biex niġġieldu bejnietna fuq it-titli, siġġijiet u karigi. L-istorja għad tiġġudikana dwar x’nagħmlu u ma nagħmlux f’dan iż-żmien, il-ġimgħat u x-xhur, li għandna quddiemna f’dan iż-żmien partikolari.”
Bl-ikbar telfa elettorali sofferta fl-istorja ta’ Malta sovrana għadha friska fl-imkejjen tad-Dar Ċentrali, Piccinino spiċċa jgħid li Malta u Għawdex għandhom bżonn lill-Partit Nazzjonalista.
Piccinino qal, “Huwa dan il-partit li jista’ joffri verament allura dak li għandha bżonn Malta u Għawdex tagħna.”