Il-Ġimgħa wara nofsinhar żar iċ-Ċentru Nazzjonali Laburista is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Soċjalista u tad-Demokratiċi ta’ San Marino Gerardo Giovagnoli.
Is-Sur Giovagnoli huwa wkoll Membru Parlamentari fil-Parlament Ta’ San Marino fejn il-partit li jirrappreżenta jifforma parti mill-Gvern ta’ Koalizzjoni li jmexxi l-pajjiż.
Id-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Laburista Alex Agius Saliba u l-President tal-Partit Laburista Alex Sciberras laqgħu lil Giovagnoli fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, fejn ġie mistieden għall-laqgħa fl-uffiċċju tad-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Laburista, liema laqgħa attendew ukoll is-Segretarju tal-Eżekuttiv Nazzjonali tal-Partit Laburista Catherine Fenech u kif ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista Leonid McKay.
Matul din il-laqgħa kordjali ġie diskuss ir-relazzjoni bejn iż-żewġ partiti b’aċċenn fuq il-prinċipji soċjalisti demokratiċi assoċċjati maż-żewġ partiti u l-lok ta’ kif tista’ titkattar il-kollaborazzjoni bejn il-Partit Laburista u l-Partit Soċjalista u tad-Demokratiċi ta’ San Marino.
Waqt din il-laqgħa kien hemm referenza, qsim ta’ ideat u diskussjoni dwar is-sitwazzjoni politika globali u partikolarment dik Ewropeja.
Il-Partit Laburista offra l-assistenza sabiex il-Partit Soċjalista u tad-Demokratiċi ta’ San Marinio jissieħeb bħala membru fil-Partit Soċjalista Ewropew (PES).
Giovagnoli irringrazzja lill-Partit Laburista ta’ din l-istedina u ta’ din il-laqgħa li saret illum wara nofsinhar.