Is-Segretarju Ġenerali tal-OSCE, Helga Maria Schmid, tenniet kif il-prijoritajiet ta’ Malta ntlaqgħu b’mod tajjeb ħafna fejn spjegat kif semgħet li hemm appoġġ kbir mhux biss għax kellu r-rieda li jieħu f’idejh din it-tmexxija fi żminijiet ta’ sfidi bla preċedent iżda saħansitra għat-tmexxija b’saħħitha li qed jipprovdi.
Dan hekk kif il-prijoritajiet ippreżentati jimxu pari passu mal-valuri prinċipali li tħaddan l-OSCE.
Tenniet dwar kif il-gwerra fl-Ukrajna trid tieqaf u għalhekk tibqa’ fuq nett tal-aġenda tal-prijoritajiet għal din l-organizzazzjoni.
Hi tenniet is-sejħa tagħha biex jinħelsu t-tliet kollegi li bħalissa jinsabu miżmuma mir- Russja waqt li kienu qed jaħdmu fuq missjoni speċjali ta’ monitoraġġ u li għadhom qed jinżammu b’mod illegali.
Dan wara li t-tliet persuni, Vadym Golda, Maxim Petrov u Dmytro Shabanov, ġew arrestati waqt li kienu qed jaqdu dmirijiethom f’Donetsk u Luhansk lura f’April tal-elfejn tnejn u għoxrin – b’Petrov u Shabanov ingħataw sentenza ta’ tlettax-il sena ħabs.
Il-Ministru Borg ingħaqad f’din is-sejħa biex jinħelsu u tenna dwar kif se jkun qed jaħdem qatigħ sabiex iwassal bl-aktar mod iċ-ċari l-messaġġ ta’ Malta għas-cease fire b’mod permanenti.