Waqt żjara viċin il-fruntiera bejn l-Eġittu u l-Istrixxa ta’ Gaza, is-Segretarju Ġenerali tal-Ġnus Magħquda, Antonio Guterres, appella biex l-għajnuna umanitarja fil-Palestina tkun tista’ tidħol mill-aktar fis possibbli.
Intqal li din l-għajnuna tfisser bejn ħajja u mewt, hekk kif is-sitwazzjoni f’Gaza hi gravi ħafna.
Guterres żar il-fruntiera, fejn mistennija jinfetħu kurituri mill-awtoritajiet Eġizzjani biex tali għajnuna tasal lill-eluf maqbudin fir-reġjun f’nofs konflitt bejn il-Hamas u l-forzi Iżraeljani.
Il-bombardamenti fil-Lvant Nofsani komplew jintensifikaw, hekk kif kien hemm attakk fuq Knisja tal-Griegi Ortodossi u nqatlu tmintax-il Kristjan Palestinjan.
L-awtoritajiet Palestinjani qalu li l-ammont ta’ persuni mejta s’issa jlaħħqu għal aktar minn erbat elef u mitt persuna, waqt li dawk midrubin jgħoddu għal aktar minn tlettax-il elf persuna. Dan fl-istess ħin li r-riżorsi qed ikomplu jiskarsaw iżjed milli diġà huma.
L-armata Iżraeljana qalet li hemm madwar mitejn persuna li nħatfu mil-grupp Hamas, fosthom aktar minn għoxrin minnhom li għandhom inqas minn tmintax-il sena.