Is-Segretarju Ġenerali tal-Commonwealth, il-Barunessa Patricia Scotland tinsab impressjonata bir-riformi Kostituzzjonali u istituzzjonali f’Malta.
Dan saħqitu waqt laqgħa mal-Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza, u l-Governanza Edward Zammit Lewis.
Is-Segretarju Ġenerali tal-Commonwealth faħħret il-proċess li wettqet Malta fl-aħħar sitt xhur u saħqet li tinsab impressjonata bir-riformi li saru fi żmien daqstant qasir.
Hi kkunsidrat lil pajjiżna bħala mudell għat-tnejn u tletin pajjiż mill-erbgħa u ħamsin pajjiż tal-Commonwealth li huma meqjusa bħala stati u demokraziji żgħar.Is-Segretarju Ġenerali rreferiet għall-materji ta’ ugwaljanza, fejn Malta hija minn ta’ quddiem, kif ukoll għall-importanza tal-użu tat-teknoloġija tal-informatika kemm għall-intrapriżi żgħar u medji kif ukoll għal ġustizzja aħjar u aktar effiċjenti.
Il-Ministru Zammit Lewis faħħar xogħol tal-Barunessa Scotland b’risq il-Commonwealth u tenna l-impenn ta’ pajjiżna li jibqa’ jkun membru attiv fi ħdan il-Commonwealth.