Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, Charles Bonello, waqt il-programm ‘Insights’ fuq TVM, faħħar u ddefenda l-amministrazzjoni ta’ GonziPN – li hu kien jagħmel parti minnha bħala s-Segretarju Personali tal-eks Prim Ministru Nazzjonalista Lawrence Gonzi.
Fil-fatt, meta mistoqsi dwar jekk kinitx deċiżjoni tajba li l-familji u n-negozji jitgħabbew bl-agħar kontijiet tad-dawl u l-ilma, hu qal li din mhux kwistjoni.
PREŻENTATUR: “Tħoss li kienet deċiżjoni tajba, għaqlija, li jogħlew il-kontijiet, meta n-nies hemm barra għadhom isemmuha sal-lum … tajjeb jew ħażin?”
CHARLES BONELLO: “Ħa ngħidlek ħaġa, mhux kwistjoni.”
PREŻENTATUR: “Kont qrib tiegħu ħafna.”
CHARLES BONELLO: “Ħa ngħidlek mhux kwistjoni li jogħlew il-prezzijiet jew jorħsu l-prezzijiet.”
Fil-fatt, meta mistoqsi jekk l-opinjoni dwar il-power station tal-gass għadhiex l-istess għall-Partit Nazzjonalista, hu qal li dan hu ovvju.
PREŻENTATUR: “Il-powerstation kienet tajba, ħażina, ma taqblux magħha … għadkom tal-istess fehma bħala Partit?”
CHARLES BONELLO: “Mhux ovvja!”
Meta mistoqsi dwar il-pjani tiegħu biex jgħaqqad lill-Partit Nazzjonalista, anke fl-isfond tal-ħakma estremista li hemm fil-Partit, hu qal li l-PN diġà magħqud.
PREŻENTATUR: “Kif tista’ twiegħed li se tgħaqqad lill-PN?”
CHARLES BONELLO: “Il-PN diġà magħqud.”
Fil-fatt, hu qal ukoll li l-Partit Nazzjonalista kien katalista u investa fl-interconnecter, avolja fi żmien GonziPN lanqas biss kienet għadha saret l-applikazzjoni għal dan il-proġett massiċċ u l-proċess kellu jinbeda biss taħt l-amministrazzjoni l-ġdida Laburista ta’ wara l-2013, immexxija minn Joseph Muscat.
“Aħna konna katalisti li investejna fl-interconnecter.”
Is-Segretarju Ġenerali tal-PN, Charles Bonello
Fil-fatt, meta mistoqsi b’rabta mal-impjieg tiegħu ma’ Lawrence Gonzi, hu kkonferma li se jibqa’ jokkupa din il-kariga wkoll imħallsa mill-Istat, waqt li jokkupa t-tieni l-ogħla kariga fil-ġerarkija tal-Partit Nazzjonalista.
PREŻENTATUR: “Inti stess għedt li ħa tibqa’ taħdem fil-kariga li kellek qabel bħala Assistent tal-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi. Ħa tirrinunzja l-paga li għandek imħallsa mill-Gvern.”
CHARLES BONELLO: “Mela kull min jaħdem ma ħaqqux paga?”