Is-seba’ flyovers tal-Proġett tal-Junction tal-Marsa huma kollha miftuħa b’konnessjonijiet bejn rotot ewlenin tal-pajjiż. Dan hekk kif is-Sibt infetħu mill-ġdied tliet flyovers, u issa dawn huma miftuħa fid-direzzjoni l-propja tagħhom, lejn it-Tramuntana.
Infrastruttura Malta spjegat li dawn it-tliet flyovers issa qed jiffurmaw konnessjoni diretta b’żewġ korsiji mill-karreġġjati tat-Tramuntana ta’ Vjal Santa Luċija u ta’ Triq Giuseppe Garibaldi, f’Ħal Luqa, lejn Triq Aldo Moro l-Marsa.
Riċenti nfetħet ukoll is-seba’ flyover ta’ dan il-proġett li tgħaqqad il-karreġġjata tat-Tramuntana ta’ Vjal Santa Luċija mal-korsiji ġodda li jwasslu għaċ-Ċimiterju tal-Addolorata fost l-oħrajn.
Issa qed isir xogħol fuq l-aħħar medda ta’ korsiji ġodda li mistennija jkunu lesta sal-aħħar tas-sena.
Qed isir ukoll xogħol fuq bankini ġodda u pontijiet għall-mixi, korsiji u waqfiet għall-karozzi tal-linja, il-faċilitajiet ta’ park and ride u korsiji għar-roti maqtugħin mit-triq li jiffurmaw parti mill-istess proġett.