Tmenin espert multidixxiplinarju mill-Mediterran se jingħaqdu flimkien fl-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Mediterranean Tourism Forum, konferenza kbira marbuta mal-qasam tat-turiżmu bit-tema ‘Mediterranean Brain’, bil-għan li jiġu xprunati iktar ideat ta’ kif titjieb l-industrija tat-turiżmu f’pajjiżna u fir-reġjun tal-Mediterran.
Esperti minn madwar 28 pajjiż differenti mistennija jaqsmu l-ideat, jiskopru opportunijiet, u jiftħu orizzonti ġodda b’kolloborazzjoni bejniethom,sabiex oqsma bħat-turiżmu, l-ivjaġġar, u l-ospitalita’ jkomplu jingħataw spinta.
Matul din il-konferenza, li se ssir fl-14 ta’ Ġunju, se jiġu diskussi suġġetti li jinkludu l-gastronomija, il-finanzi, it-teknoloġija, it-turiżmu reliġjuż, l-isport, l-arkittettura, u l-kċina Ottomana, fost l-oħrajn.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Lukandi u r-Ristoranti, spjega f’sentenza l-għan ta’ din il-konferenza.
Agius Muscat qal, “L-għan huwa li nattiraw kemm jista’ jkun esperti mid-dinja kollha flimkien ma’ esperti Maltin. Inħabblu moħħna biex intejbu l-prodott turistiku tagħna għaż-żmien li ġej.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tat-Turiżmu, Carlo Micallef, tkellem dwar l-appoġġ tal-Awtorita’ għal forum ta’ din ix-xorta.
Micallef stqarr, “Dan il-forum kien isir ta’ kull sena qabel il-pandemija u kien ikun appuntament importanti sabiex l-aqwa nies minn madwar il-Mediterran fl-industrija tat-turiżmu kif ukoll minn industriji relatati mat-turiżmu kienu jiġu Malta, jiltaqgħu, jiddiskutu, u joħorgu ħafna ideat ġodda. F’dawn is-sentejn ta’ pandemija ridna naħsbu ‘out of the box’, ridna naħsbu ħafna, bħalma hi t-tema tal-Forum ‘BRAIN’. Allura kien ġust li nissapportjaw din il-konferenza u naraw li l-quddiem nitkellmu mal-kollegi tagħna minn madwar il-Mediterran, ma’ esperti minn diversi oqsma li jidħlu fil-qasam tat-turiżmu.”
Il-Ministru għat-Turiżmu, Clayton Bartolo, tkellem magħna dwar id-differenza li jaħseb li l-Mediterranean Tourism Forum jista’ jagħmel lill-industrija tat-turiżmu f’pajjiżna.
Il-Ministru Bartolo qal, “Forum bħal dan se jkompli jgħin sabiex nerġgħu nibdew nattiraw lejn pajjiżna, l-ewwel nett, l-events, li tant kienu neqsin fiż-żmien il-pandemija; konferenzi li kapaċi jħallu numru ta’ bed nights ukoll f’pajjiżna, hekk kif qed naraw kif din l-event se tħalli ’l fuq minn tmien mitt bed night f’ħames lukandi ta’ ħames stilel imxerrdin madwar il-pajjiż. Dan kollu jwassal ukoll biex inkunu nistgħu niddiskutu s-sostenibilità tal-industrija u anke l-innovazzjoni. Irridu nħarsu ’l quddiem li jkunu parti mill-pakkett turistiku tagħna hekk kif bħala pajjiż inkomplu nirkupraw is-settur turistiku u anke nibnu settur iktar b’saħħtu u sostenibbli għaż-żmien li ġej.”