Bħalissa, pitturi minn għoxrin artist, qed ikomplu jikxfu s-sbuħija tal-Park tal-Inwadar. Dawn il-pitturi huma magħmula minn mezzi differenti fosthom, l-akwarelli, żejt fuq it-tila u l-kulur bil-pinna.
Kull artist uża l-istil personali tiegħu, sabiex jirrifletti s-sbuħija tal-akbar park naturali fin-nofsinhar ta’ Malta.
Din il-wirja, li qed tittella’ bil-kollaborazzjoni tal-Bord tal-Governanza tal-Park tal-Inwadar, Ambjent Malta u l-Ministeru għall-Ambjent, se tibqa’ miftuħa sa nhar il-Ħadd, 5 ta’ Marzu.
Preżenti għall-ftuħ ta’ din il-wirja, kien hemm il-Ministru għall-Ambjent Miriam Dalli, u ċ-chairman tal-Bord tal-Governanza Dr Steve Borg.
Is-Sur Borg spjega kif il-ħsieb ewlieni tal-Bord huwa li permezz ta’ din l-inizjattiva joħroġ aktar ċar mal-pubbliku l-preġju naturali u storiku li jġorr miegħu l-park.
“Jien kburi ħafna bil-konkorrenza ta’ 20 artist, li qed noffru perspettiva ġdida tagħhom, minn irkejjen fil-park nazzjonali. Dan biex jgħollu l-prestiġju tal-Park, u tiżdied l-għożża fost il-poplu, li qed japprezzaw dan il-post li huwa beraħ għall-pubbliku.”
Din hija t-tieni edizzjoni tal-wirja t’Arti fil-Park, bil-għan li tiżdied l-għożża lejn dan il-park mill-pubbliku.
Wieħed mill-artisti, Ethelbert Perini, qal li huwa jiftakar lill-Park fi żmien meta kien miżbla, u b’hekk bħala artist issa japprezza aktar is-sbuħija tiegħu.
“L-affarijiet sbieħ li hemm f’dan il-park huwa li, tmur hemmhekk, tieħu l-ħin tiegħek u tpenġi, postijiet, irkejjen, ta’ dan il-Park, li għandu features ta’ baħar, veġitazzjoni, għasafar u ħlejjaq oħrsa naturali, u tkun hemmhekk fuq il-post, tapprezza żgur l-affarijiet.”
Il-Bord iżomm ukoll kopja diġitali tax-xogħlijiet sabiex jiġu użati f’inizjattivi ta’ informazzjoni marbuta mal-Park.
Il-pitturi mill-ewwel edizzjoni ta’ din il-wirja qed jiġu esebiti fil-kalendarju kommemorattiv li ppubblika l-Bord għal din is-sena.
Parti mid-dħul tal-bejgħ se jmur għall-karità.
Aktar informazzjoni tinsab fuq is-sit inwadar.com, jew fuq il-paġna ta’ Facebook, Inwadar National Nature and History park.