It-toroq prinċipali tal-Ħamrun, għal darb’oħra se jimtlew ċikkulata għall-festival ieħor nhar is-Sibt li ġej. Din se tkun l-għaxar edizzjoni tal-festival taċ-ċikkulata u għaldaqstant din se tkun waħda mill-ikbar edizzjonijiet. Is-Sindku tal-Ħamrun Christian Sammut ddeskrieva numru t’attrazzjonijiet li se jkun jista’ jara kull min iżur il-festival:
“Din is-sena t-tema se tkun The Beauty and the Beast, fil-fatt se jkollna ħafna xeni minn ta’ Beauty and the Beast. Hija xi ħaġa li naħseb kulħadd jaf din l-istorja u kulħadd se jidħol fil-fantasija. Din fost attrazzjonijiet oħra biċ-ċikkulata. Se jkollna diversi stands biċ-ċikkulata imbgħad ukoll diversi artisti li ħa jagħmlu l-affarijiet biċ-ċikkulata fosthom tattooing, tpinġijja. Hemm diversi wkoll ħafna affarijiet minn nies differenti”.
Kull min jattendi għall-festival se jkun jista’ jara x-xena kbira bit-tema ta’ Beauty and the Beast magħmula miċ-ċikkulata, xogħol wieħed mill-aqwa master chocolatiers fid-dinja, Andrew Farrugia.
Farrugia stqarr ma’ ONE News li ix-xena magħmula minn madwar mitejn kilogramma ċikkulata tgħaddi minn proċess sħiħ qabel tiġi iffurmata b’mod artistiku:
“L-ewwel trid tiġi mdewba ċ-ċikkulata. Din tkun biċċiet qisha buttuni żgħar imbgħad tiddewweb u imbgħad li nagħmel huwa li nifrex u nikreja bħal folji kbar li minnha nkun nista’ inqatta’ l-biċċiet kollha li jkolli bżonn biex nikreja l-arti li għal dawn l-aħħar għaxar snin dejjem ikrejajt għal dan il-festival. Irrid ngħid ukoll li din is-sena ħa jkollna attrazzjoni partikolari ħafna. Ħa tkun ikkulurita fejn użajt ċikkulata bajda u żidtilha ċerti kuluri apposta li nużaw fiċ-ċikkulata”.
Is-Segretarju Parlamentari Silvio Parnis saħaq li avvenimenti bħal dawn juru propju l-importanza li l-lokalitajiet ikollhom kunsilli attiv u qrib tan-nies. Dan filwaqt li s-Segretarju Parlamentari Deo Debattista stqarr li permezz ta’ dawn l-attivitajiet, il-kultura Maltija tibqa’ ħajja fis-soċjetajiet tagħna.
Dan l-avveniment qed jiġi organizzat bil-kollaborazzjoni tal-Ministeru għat-Turiżmu u l-Ministeru tal-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali u Valletta 2018. Kif jiġri kull sena għal dan il-festival se jkun hemm bosta parkeġġi riservati għall-dawk kollha li jżuru l-festival.