Studenti Agostinjani, fil-Kulleġġ ta’ Santu Wistin, fil-kampus sekondarju qed jaħdmu qatiegħ sabiex nhar it-23 u l-24 ta’ Mejju fis-7:15pm, fis-sala tal-kampus tal-Primarja, il-Marsa jtellgħu dramm li jġib l-isem ta’ ‘Is-Saltna Msaħħra’.
Dan id-dramm idur ma’ familja rjali tar-raħal ta’ Ħal Babaw; raħal mimli ħajja u divertiment. Rodrigo hu l-prinċep li jmiss biex jieħu s-saltna f’idejh, hekk kif missieru qed jikber fl-età. Iżda Rodrigo jiġih suspett li dan ma kienx se jseħħ, ħaseb li s-saltna se tingħata lil ħuh iż-żgħir, Darius. Il-kilba għall-poter għelbitu u jispiċċa jagħmel affarijiet li ma jitwemmnux.
ONE News żar prova filwaqt li tkellem ma’ wħud involuti.
Roberto D’Amato, il-kittieb u koordinatru spjegalna l-proċess li għaddew minnu sabiex waslu lejn l-aħħar tal-preparamenti filwaqt li qal kif minkejja li l-iskola tibqa għaddejja, il-kast u crew kollu hu impenjat li jaħdem u jtella’ l-aqwa spettaklu.
“Din il-produzzjoni titlob ħafna ammont ta’ xogħol minn wara l-kwinti bdejna ovvjament billi issetjna naqra l-ġranet ta’ meta ħa ssir u ovvjament inkitbet il-play li hija xogħol oriġinali, li ktibniħ aħna propju għall din il-produzzjoni. Imbagħad kien hemm l-auditions biex jintgħażlu l-karattri mbagħad eventwalment, bdejna bil-provi sakemm qegħdin imexxu kollox għan-naħa tal-primarja.”
Roberto D”Amato, il-kittieb u koordinatur
Il-kast ukoll tkellem mal-mikrofonu ta’ ONE u qalilna kif jinsabu vera eċitati u ħerqana li jagħtu prestazzjoni mill-aqwa.
“Din għalijja hija xi ħaġa ġdida u qatt ma bsart li se nsiba daqshekk sabiħa.“
“Ma kontx naf li se jkolli karattru daqsekk kbir u xorta sabiħa qed insiba.“
“Ma kontx naf li ħa ningħata dan il-karattru imma naħseb li issa, li jiena dan il-karattru sejrin tajjeb ħafna bħala tim.”
Studenti parti mill-kast
Wara l-palk u dak li jidher, hemm grupp ieħor ta’ studenti li jieħdu ħsieb l-armar tal-palk u l-aspett tekniku fosthom is-sound u d-dawl. ONE News tkellem ukoll ma wħud mill-istudenti parti mill-crew.
“Jiena l-involviment tiegħi, ta’ wara l-palk huwa li nieħu ħsieb is-sound u nara li kollox imur tajjeb.“
“Jiena x-xogħol tiegħi huwa li nitfa’ l-props fuq il-palk u ngħin lill-ħbieb tiegħu wkoll.”
Studenti parti mill-crew
Għal aktar informazzjoni u biljetti, wieħed jista’ jżur il-paġna soċjali tal-Kulleġġ.