Għat-tlettax-il sena infila, il-Membri tal-Każin tal-Banda ta’ San Nikola tas-Siġġiewri qegħdin jippreparaw sabiex tittella’ edizzjoni oħra tal-Mixegħla tas-Salib tal-Għolja. ONE News żar is-Siġġiewi sabiex naraw fiex waslu l-preparamenti għal dan l-avveniment li ser jittella’ f’Ħamis ix-Xirka.
Madwar elf u ħames mitt fjakkola, tnax-il sena ta’ esperjenza u ħafna dedikazzjoni.
Qalb l-għelieqi tas-Siġġiewi, ftit ‘l isfel mis-salib tal-Għolja, iltqajna ma’ numru ta’ voluntiera medhija fuq xogħolhom jagħmlu t-takki għall-fjakkoli, biex tittella’ t-tlettax-il edizzjoni tal-Mixegħla tas-Salib tal-Għolja.
Il-President tal-Każin tal-Banda, Keith Abela, spjegalna kif ix-xogħol fuq dan l-avveniment ilu għaddej fuq xahar u nofs u stqarr li x-xogħol ma jiqafx hekk kif jispiċċa l-ispettaklu. Anzi, dawn il-voluntiera jagħmlu sa sbieħ l-għada filgħodu biex jiżguraw li l-post iħalluh kif sabuh billi jnaddfuh mill-fjakkoli u d-dwal li ser iżejnu t-trejqa li tagħti għas-salib tal-għolja.
Abela informana li ser ikun hemm trasport disponibbli mill-pjazza tas-Siġġiewi għall-inħawi tas-Salib u lura, u spjegalna x’wieħed għandu jistenna li jsib.
Dawn, spjegalna, se jingħaqdu mal-banda ta’ San Nikola, li se jikkumplimentaw l-atmosfera b’numru ta’ marċi funebri.