Is-salarji f’Malta għolew b’medja ta’ 3% matul l-aħħar sena, skont stħarriġ indipendenti mill-MISCO li kien ippubblikat ftit tal-ħin ilu. Is-Salaries and Benefits Report 2018/2019 juri żieda stabbli fil-pagi fil-parti l-kbira tax-xogħlijiet.
Ir-rapport annwali minn MISCO janalizza il-ħlasijiet offruta lil aktar minn 100 pożizzjoni. L-ogħla żieda kienet reġistrata f’xogħolijiet relatati mal-IT b’qabża ta’ 5%; filwaqt li s-salarji f’Sales u Marketing u Finanzi żdiedu bi 3.5% u 3% rispettivament. Xogħlijiet fl-Inġinjerija u Tiswijiet għolew b’perċentwal.
“Il-kumpaniji qed isibuha dejjem aktar diffiċli biex jippjanaw l-allokazzjoni għall-pagi f’suq tax-xogħol daqstant dinamiku,” qalet Joanne Bondin, Direttur tas-Servizzi ta’ Konsulenza fi ħdan MISCO.
L-istudju jinvestiga firxa sħiħa ta’ kategoriji li jinkludu pożizzjonijiet maniġerjali, eżekuttivi, klerikali, u rwoli tekniċi skont is-setturi tagħhom fil-privat, kumpaniji b’investiment barrani, jew pubbliċi, kemm fis-servizzi u kemm fil-manifattura.
Ir-rapport maħruġ il-Ġimgħa huwa riżultat ta’ riċerka fost 110 pożizzjoni differenti li ġew aġġustati b’mod espert sabiex jirriflettu x-xejriet fis-suq illum.
Apparti minn informazzjoni preċiża sabiex tinforma deċiżjonijiet strateġiċi dwar salarji, ir-rapport tal-MISCO joħroġ ukoll riżultati nteressanti minn riċerka li saret fil-qasam tar-Riżorsi Umani f’Malta.
Id-domanda għal salarji aktar għoljin hija l-akbar sfida li jħabbtu wiċċhom magħha l-kumpaniji, skont dan l-istudju. Il-professjonisti tar-Riżorsi Umani qalu wkoll li hemm nuqqas ta’ persuni b’esperjenza fis-suq, filwaqt li t-tħassib dwar nuqqas ta’ kandidati kważi rdoppja minn sena ilu ‘l hawn. Id-diffikultà biex jinstabu kandidati b’esperjenza xierqa, flimkien mal-pressjoni biex jogħlew is-salarji jippreżentaw, għalhekk, l-akbar uġiegħ ta’ ras għad-dipartimenti tar-Riżorsi Umani.
Ir-ritenzjoni tal-ħaddiema, fil-fatt, żviluppat f’funzjoni ewlenija għall-professjonisti f’dal-qasam, hekk kif 7 minn kull 10 jiddikjaraw li din hija l-ogħla prijorità f’xogħolhom. Sfidi oħra għar-Riżorsi Umani huma l-motivazzjoni tal-impjegati, u l-iżvilupp tal-ħiliet tagħhom.