Is-sajjieda Maltin u Għawdxin se jkunu qegħdin igawdu minn żieda ta’ ta’ 11 fil-mija fil-kwota tat-tonn.
Dan ifisser li Malta se tkun qed tibbenifika minn 44 tunnellata ta’ tonn matul is-sena 2023. Din il-qabża fl-allokazzjoni tat-tonn hija l-ewwel waħda tat-tip tagħha matul dawn l-aħħar tliet snin.
Ħabbret dan is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura, u d-Drittijiet tal-Annimali, Alicia Bugeja Said, waqt laqgħa tal-Kunsill Ewropew għas-Sajd u l-Agrikoltura fi Brussell.
F’kumment ma’ ONE News is-Segretarju Parlamentari Bugeja Said iddeskriviet din l-aħbar bħala żvilupp sinjifikanti għall-mijiet ta’ sajjieda f’pajjiżna. Hija qalet li wasal iż-żmien li li s-sajjieda Maltin u Għawdxin jaħsdu l-frott wara snin ta’ sagrifiċċju.
“Sirna nafu li Malta l-kwota se tkun qed tiżdied bi 11%. Il-kwota ilha ma’ tiżdied tliet snin u, għaldaqstant, din iż-żieda ta’ iktar minn 44 tunnellata hija riżultat pożittiv immens għas-sajjieda Maltin u Għawdxin. Bħala Gvern għamilna argumenti xjentifiċi u robusti sabiex wasalna s’hawn u verament ninsabu kuntenti li se nkunu qed naħsdu l-frott għal ħafna sagriffiċju li wettaqna matul dawn iż-żminijiet.”
Kien f’Settembru li għadda, waqt l-aħħar laqgħa tal-Ministri Ewropej għall-Agrikoltura u s-Sajd li saret il-Lusseumburgu, meta s-Segretarju Parlamentari ddiskutiet it-titjib fl-istokk tat-tonn, kif kien ikkonfermat fi ħdan il-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku.
Is-Segretarju Parlamentari Bugeja Said irrimarkat li hekk kif ix-xjenza wriet li l-istokk tat-tonn qed jirkupra, dan kellu jiġi rifless f’żieda sostenibbli fil-kwota. Hija qalet li l-Gvern huwa impenjat biex ikompli jassigura t-tkattir ta’ iktar opportunitajiet għall-ġenerazzjoni preżenti, kif ukoll dik futura tas-sajjieda.