Għaddej ġmielu x-xogħol fuq iċ-ċentru tas-saħħa tal-kura primarja f’Ħal Kirkop.
Wegħda elettorali tal-Partit Laburista li se titwettaq fi żmien sena mill-elezzjoni ġenerali, hekk kif ix-xogħol fuq iċ-ċentru mistenni jkun lest sa sitt xhur oħra.
Dan iċ-ċentru se jolqot ir-residenti ta’ Ħal Kirkop, taż-Żurrieq, tal-Imqabba, tal-Qrendi, ta’ Ħal Safi u ta’ Ħal Luqa; b’kollox madwar tmienja u għoxrin elf persuna li sa issa għadhom qed jirrikorru fiċ-ċentru tas-saħħa tal-Furjana.
Iċ-ċentru se joffri s-servizzi li jingħataw f’ċentri oħra madwar Malta u Għawdex; għalkemm mistenni jiffoka wkoll fuq il-prevenzjoni billi fost l-oħrajn jinkorpora fih lifestyle clinic.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi Carmen Ciantar spjegat il-ħidma li saret fl-aħħar xhur, wara li tlesta l-proċess tat-tendering u ġie mmobilizzat il-kuntrattur.
Ciantar spjegat kif “Beda jsir xogħol ta’ ftuħ ta’ aperturi, ftuħ ta’ ħitan, stripping tal-ħitan, filwaqt li beda wkoll anki l-kostruzzjoni tat-tielet sular fejn ħa jinbena nofsu u ħa jkun il-post dedikat għall-ħaddiema u l-ħin tagħhom ta’ relaxation.”
Iċ-ċentru mistenni jilqa’ l-ewwel pazjenti fil-bidu tas-sajf li ġej. Is-Sinjura Ciantar spjegat ix-xogħol li se jsir fis-sitt xhur li ġejjin.
Il-Kap Eżekuttiv qalet li “Bażikament se nkunu qed ngħaddu d-dawl, ngħaddu l-ilma, ngħaddu d-drainage, isir il-finishing, indaħħlu l-equipment u l-għamara imbagħad eventwalment jinfetaħ iċ-ċentru.”
Fi żjara fuq il-post fi Triq Danny Cremona, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne tenna l-impenn tal-Gvern għal iżjed investiment fil-kura primarja.
Il-Minsitru Fearne qal li“F’Raħal Ġdid ħa nkunu qed nagħmlu Ċentru kbir Reġjonali. Bħalissa hemm it-tenders miftuħin jagħlqu dax-xahar biex kmieni s-sena d-dieħla jibda x-xogħol ġewwa Raħal Ġdid. Però qed nagħtu wkoll attenzjoni lill-bereġ. Fosthom billi niftħu bereġ ġodda inkluż xogħol li se jibda l-ġimgħa d-dieħla fuq berġa ġdida ġewwa x-Xewkija Għawdex.”