F’sessjoni informattiva, bit-tema ‘Il-Promozzjoni u s-Salvagwardjar tas-Saħħa u s-Sigurtà tal-Ħaddiema fuq ix-Xogħol’, ġie diskuss l-att li għadda mill-Parlament b’mod unanimu f’Lulju li għadda u li se jkun qed jiżgura aktar ħarsien fl-impjegati lokali.
Fi preżentazzjoni, li saret minn Dr Sara Ezabe Malliue, ġew spjegati t-taqsimiet fil-liġi l-ġdida u l-iżviluppi li din se ġġib, inkluż bil-multi għal min se jkun qed jiksirha.
Dr Josianne Cutajar, Kap Eżekuttiv għall-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol, l-OHSA, indikat kif, bħala regolatur, l-awtorità se tkun qed tara li l-liġi tiġi implimentata, inkluż b’aktar spezzjonijiet intensivi fuq siti tal-kostruzzjoni li mistennija jieħdu madwar sagħtejn.
Dan qed isir biex il-ħaddiem ikun protett kemm jista’ jkun waqt il-ħin tax-xogħol, bl-aspett ħolistiku tal-liġi jara li s-saħħa fiżika, psikoloġika u soċjali jiġu salvagwardjati.
Dr Cutajar kompliet tgħid li l-helpline il-ġdida, li tnediet xahar ilu, flimkien ma’ tali inforzar se jaraw li saħħet il-ħaddiema jiġu mħarsa b’responsabbiltà.
Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma fis-Settur tal-Kostruzzjoni, Jonathan Attard, enfasizza li kien hemm bżonn li l-liġi relatata tiġi aġġornata biex tissalvagwardja iżjed lill-ħaddiem u kif se tkun qed tgħin lill-ħaddiema kollha f’kull settur, waqt li l-pubbliku jingħata lok biex isemma’ leħnu.
F’kumment ma’ ONE News, il-Ministru tenna l-importanza ta’ dan l-att u kif il-ħajja tal-ħaddiem se tiġi salvagwardjata.
“Dan hu l-att li ġie approvat mill-Parlament Malti kif ippjanat sa qabel il-vaganzi tas-sajf, u issa qed nassiguraw li ninformaw lill-istakeholders prinċipali dwar kif qed jiġi implimentat. Fuq kollox, qed nassiguraw, bħala Gvern, li nkomplu ninvestu bla preċedent mhux biss fl-aspett ta’ investiment infrastrutturali u diġitali neċessarju għall-awtorità, imma importantissimu fl-aspett ta’ riżorsa umana fejn hemmhekk qed naraw li nkomplu nżidu l-ħaddiema fi ħdan l-Awtorità biex tkun f’pożizzjoni li timplimenta u tinforza dawn il-liġijiet ġodda li huma msejsin biex iħarsu s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema kollha f’pajjiżna.”
Il-Ministru Jonathan Attard