L-aspetti fil-qasam tas-saħħa li Malta se tkun qed tmexxi fuq livell Ewropew waqt il-Presidenza ta’ Malta tal-Kunsill Ewropew minn Jannar li ġej kien is-suġġett ta’ laqgħa li saret fil-Ministeru tas-Saħħa bejn il-Ministru Chris Fearne u l-Kummissarju Ewropew għas-Saħħa Vytenis Andriukaitis.
Il-Ministru Fearne spjega li Malta se tkun qed tpoġġi s-settur tas-saħħa fuq l-aġenda tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew u spjega wkoll li l-obeżità fit-tfal, il-marda tal-HIV u koperazzjoni aħjar pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea se jingħataw prijorità. Il-Ministru Fearne qal li l-obeżità fit-tfal hija problema li qed taffettwa t-tfal kollha fl-Ewropa u għalhekk Malta se tkun qed tipproponi linji gwida fuq skala Ewropea ta’ kif aġenziji statali jużaw u jixtru ikel li hu bnin.
Punt ieħor li se jkun fuq l-aġenda, huwa l-aċċess għal trattamenti tas-saħħa f’pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea u l-ħtieġa ta’ koperazzjoni aħjar bejn il-pajjiżi sabiex anke pajjiżi żgħar bħal Malta jkollhom aċċess għal kura u trattamenti f’pajjiżi fejn it-trattament jiswa ferm iktar minn kemm jiswa f’pajjiżna.
It-tielet punt li se jkun fuq l-aġenda ta’ Malta hija l-marda tal-HIV fejn l-Ewropa għandha rata għolja ta’ din il-marda u li hemm bżonn li jingħata aktar għarfien sabiex tiġi kkontrollata.
Minn naħa tiegħu, il-Kummissarju Vytenis Andriukaitis qal fi tmiem il-laqgħa li jinsab sodisfatt bid-diskussjoni konstruttiva li kellu mal-Ministru Chris Fearne u rringrazzjah għall-preparazzjoni li Malta qed tagħmel għall-Presidenza tal-Kunsill Ewropew.