Is-saħħa mentali taffettwa persuna minn kull erbgħa f’pajjiżna.
Dan tennieh il-President tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Psikjatri, Dr Nigel Camilleri, fejn sostna li l-għan prinċipali tal-Assoċjazzjoni huwa li l-livell ta’ servizz li jingħata f’Malta jkompli jitjieb.
F’konferenza bit-tema ‘Shaping the future: The mental health of our nation’, li saret it-Tnejn, bosta psikjatri u professjonisti fis-saħħa mentali taw preżentazzjonijiet dwar numru ta’ fatturi li jaffettwaw is-saħħa mentali tagħna lkoll.
Dr Camilleri tenna li fost oħrajn, il-bniedem għandu jżomm il-bilanċ fil-ħajja: “Meta tħoss il-bilanċ m’għadux hemmhekk, aħna kollha nżommu bilanċ. Inżommu bilanċ bejn il-ħajja tax-xogħol, il-familja, il-ħbieb, forsi l-isports u leisure, meta inti tibda titlef dak il-bilanċ huwa tajjeb li tibda tinduna li forsi jista’ jkun hemm problema u tajjeb li titkellem.”
Dr Camilleri qal ukoll li kull min iħossu li qed jgħaddi minn xi diffikultà, ma jibżax jersaq ’il quddiem u jfittex l-għajnuna: “Aħna jekk ikollna problema fiżika, immorru nagħmlu check-up għand it-tabib, jekk ikollna problema ta’ saħħa mentali tajjeb li bl-istess mod immorru nsaqsu. M’hemm xejn ħażin li tmur tistaqsi lit-tabib tal-familja tiegħek, jew tmur tistaqsi lill-community mental health clinics u forsi tistaqsi nurse hemmhekk, mental health worker jew psikologu m’hemm xejn ħażin u li tirrikorri għall-għajnuna.”
Malta għandna bosta servizzi u l-għajnuna qiegħda disponibbli għal kulħadd.
ONE News tkellem ukoll mal-Psikjatra, Il-Professur Anton Grech li qal li anke li persuna tiftaħ qalbha ma’ persuna li tafda, jkun l-ewwel pass milli titbiegħed minn xi ħsieb li ttemm ħajjitha.
Għalhekk, aħna lkoll għandna responsabilità li jekk inkunu nafu b’xi persuna li tkun f’diffikultà, anke jekk ma nafhuiex, nagħtuha l-kuraġġ biex tara raġġ ta’ dawl fid-dlam li tkun qed tara f’dak il-mument ta’ sfida.
Prof. Grech stqarr: “U jekk aħna nkunu sensittivi dawn in-nies jekk jitkellmu bl-għajnuna tagħna nistgħu nsalvawhom. Jiena f’xogħli ltqajt ma’ ħafna nies li jgħiduli mnalla kien xi individwu, jgħidulek jien ma neħħejtx ħajti grazzi għal dak il-bniedem. Jiġifieri, importanti ħafna li nkunu sensittivi u nuru qalb kbira.”