Bħalma m’għandna l-ebda kontroll fuq mard u kundizzjonijiet fiżiċi, hekk ukoll is-saħħa mentali mhix deċiżjoni tal-bniedem.
Bħalma m’għandna l-ebda kontroll fuq mard u kundizzjonijiet fiżiċi, hekk ukoll is-saħħa mentali mhix deċiżjoni tal-bniedem.
Kliem id-Deputat Mario Galea, li t-Tlieta filgħodu indirizza konferenza organizzata mill-Partit Laburista, bit-tema “Poplu b’Saħħtu, Pajjiż b’Saħħtu”, fejn tkellem dwar il-battalji li jaffaċċja kuljum minħabba sfidi fis-saħħa mentali.
Din mhix l-ewwel darba li Mario Galea tkellem pubblikament dwar is-saħħa mentali, iżda fil-konferenza tal-Partit Laburista tkellem l-esperjenza u mumenti iebsin ħafna ta’ meta kien f’xifer li jtemm ħajtu.
Mario Galea għamilha ċara li s-saħħa mentali m’għandha qatt tkun ippolitiċizzata imma fl-istess ħin fisser li huma l-politiċi li jridu jagħmlu d-differenza lill-eluf ta’ persuni li għaddejjin minn problemi fis-skiet.
Qal li għad hawn skiet li jtarrax fuq is-saħħa mentali, u faħħar l-inizjattiva tal-Partit Laburista li anki fl-eqqel ta’ kampanja elettorali, ta prijorità lil dan is-suġġett.
“Meta ninsabu lluppjati f’kampanja elettorali, naħseb huwa tajjeb ħafna li nieqfu għal ftit mumenti llum nitkellmu fuq ħajja sana u problemi ta’ saħħa mentali imma jien bi stil tipiku Żejtuni tiegħi, ngħidilkom, jien qiegħed hawn bħal ħafna oħrajn inbati minn problemi ta’ saħħa mentali.”
Mario Galea spjega li beda jbati minn dipressjoni meta kien Segretarju Parlamentari, ironikament responsabbli mis-settur tas-saħħa u l-kura mentali.
Qal li fuq parir tal-psikjatra tiegħu, iddeċieda li pubblikament jitkellem dwar l-isfidi li kien qed jaffaċċja kuljum.
Beża’ li din kienet se taffettwa l-karriera politika tiegħu, u fil-fatt hekk ġara imma mhux bil-mod li ħaseb hu.
“Affettwat il-karriera politika tiegħi? Iva, imma mhux għax m’erġajtx tlajt għax kumbinazzjoni jew le, fl-elezzjoni ta’ wara żidt il-voti. Affettwat il-karriera politika tiegħi fis-sens tajjeb li ħafna drabi waqt il-home visits u l-kuntatti man-nies, ħafna nies bdew iħossuhom aktar komdi jitkellmu miegħi fuq problemi tas-saħħa mentali tagħhom jew tal-qraba tagħhom.”
Viżibbilment emozzjonat, tkellem dwar episodju sentejn ilu meta sab ruħu fit-tarf ta’ rdum f’Għawdex.
“Kont ix-Xagħra Għawdex imma kull meta kont noħroġ innutajt li kont nimxi imma dejjem nersaq immur infittex post fl-irdum minn fejn se naqbeż. Ridt inkun ċert li jekk naqbeż kont se mmut.”
Mario Galea temm jgħid li s-saħħa mentali mhix deċiżjoni u appella lill-politiċi biex jibqgħu jagħtuha prijorità, speċjalment wara pandemija li affettwat lilna lkoll.
“Il-fatt li nbatu minn problemi ta’ saħħa mentali m’għandux għalfejn iħammrilna wiċċna. Huma dawk li jiġġudikawna li għandhom għalfejn nistħu. Hija l-istigma tagħha li għandha tħammrilhom wiċċhom u twaqqagħlhom wiċċhom l-art. Grazzi ħafna minn qalbi.”