Is-saħħa mentali, l-isport u l-edukazzjoni trattati b’sens ta’ attiviżmu waqt attività li ttellgħet fil-Mosta.
Fost dawk li qassmu ħsibijiet dwar dawn it-temi kien hemm il-Kummissarju tat-Tfal, Antoinette Vassallo li fost l-oħrajn faħħret aspetti fir-riforma tal-Qorti tal-Familja.
Qalet, “Nemmen li huwa ħafna pożittiv għaliex l-affarijiet li qegħdin isiru fir-riforma fil-verità qed jolqtu l-interess tat-tfal, eżempju fil-medjazzjoni il-kwistjoni tal-manteniment idum u kif jistabilixxuh hemm iċ-ċans li dan mal-ewwel jintbgħat il-bank, jiġifieri dik hija xi ħaġa pożittiva.”
Dwar is-saħħa mentali u l-isport tkellmu Gilmour Borg minn Special Olympics u huwa wkoll Kunsillier f’Birkirkara u David Caruana li huwa Kunsillier f’San Ġiljan.
Qal, “Irridu nibdew mit-tfal li ngħallmuhom li hija xi ħaġa tajba li titkellem fuq is-saħħa mentali li m’hijiex xi ħaġa li għandek tiddejjaq minnha jew tħossok skomdu hi xi ħaġa li għandek bżonn titkellem fuqha ħalli nilħqu l-potenzjal tagħna billi nieħdu ħsieb l-ewwel pass, is-saħħa mentali.”
Qal, “Il-familja u l-isport jgħinu l-aktar biex inti ssaħħaħ il-mentalità tiegħek. Xi ħaġa li nixtieq nagħlaq biha hija li d-dixxiplina toħloq id-drawwa, id-drawwa toħloq il-konsistenza u l-konsistenza trawwem it-tkabbir.”
It-tema ta’ soċjetà inklussiva wkoll kienet diskussa fost dawk preżenti b’mod partikolari minn Rita Debattista li hi għalliema rtirata.
Qalet, “Importanti li nagħtu opportunitajiet fejn tfal minn skejjel differenti tal-istat, tal-knisja u ta’ reliġjonijiet differenti li jiltaqgħu u jitkellmu flimkien u jsaqsu d-domandi lil xulxin ħalli jkollna soċjetà iżjed inklussiva.”
Lil hinn mill-aspett politiku, Pamela Schembri, li hi assistent Kap ta’ skola u Chairperson tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi, u t-terapista tal-familja, Charles Azzopardi, tkellmu dwar il-ħsieb li wieħed għandu jadotta b’risq il-ġid komuni.
Qalet, “Irridu nagħmlu eżami tal-kuxjenza aħna l-ġenituri, kulħadd fil-verità għaliex l-ebda politiku mhu se jgħinna fiha din, li inti tara x’inhu tajjeb għall-familja tiegħek, għat-tfal tiegħek, għall-bżonnijiet li għandhom it-tfal tiegħek għax jiena għandi tnejn u t-tnejn huma differenti għad-dinamika tal-familja, għax-xogħol tar-raġel tiegħek, għax-xogħol tiegħek allura jekk naraw din ġo moħħna b’xi mod se naslu.”
Qal, “Naħseb illi rridu nsiru preventivi iktar milli crises management naħseb li din punt importanti ħafna. Din tinvolvi lil kulħadd mhux lill-Parlamentari biss jew lill-Prim Ministru biss, tinvolvi l-ġenituri kif qalet is-sinjura hawnhekk, tinvolvi l-avukati fil-Qorti, tinvolvi lil kulħadd.”