“Is-saħħa mentali hija importanti daqs is-saħħa fiżika. Għaldaqstant irridu ntejbu l-kwalità ta’ ħajja tal-persuni li jbatu minn diżordnijiet mentali permezz ta’ inklużjoni soċjali u l-protezzjoni tad-drittijiet u d-dinjità tagħhom.” Dan qalu l-kandidat tal-Partit Laburista għall-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, Alex Agius Saliba, waqt laqgħa li kellu mal-Fondazzjoni Richmond.
Dr Agius Saliba saħaq li neħtieġu aktar għarfien dwar is-saħħa mentali biex tingħeleb l-istigma li teżisti u fl-istess waqt intejbu l-benessere taċ-ċittadini u tas-soċjetà kollha.
Fil-laqgħa mal-Fondazzjoni Richmond, li toffri appoġġ lil persuni li jkunu għaddejjin minn problemi ta’ saħħa mentali u lil dawk li jaħdmu u jgħixu ma’ dawn il-persuni, ġew diskussi diversi kwistjonijiet marbutin ma’ diżordnijiet mentali. Il-Fondazzjoni semmiet kif matul is-sena li għaddiet kienu aktar minn 2,000 persuna li talbu l-għajnuna tagħha. Ġie diskuss kif permezz tal-edukazzjoni jistgħu jiġu eliminati l-istigma u l-preġudizzju li jeżistu fuq dan is-suġġett.
Il-kandidat għall-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew issuġġerixxa li t-tfal għandhom jiġu mgħallma sa minn età żgħira dwar il-problemi ta’ saħħa mentali biex ma jiddejqux ifittxu l-għajnuna u biex ma jħarsux lejn dawn il-problemi bħala xi ħaġa tal-mistħija jew umiljanti. Huwa qal ukoll li persuni li jkollhom ċertifikat ta’ mard minħabba diżordnijiet mentali għandhom jingħataw il-permess li joħorġu fil-miftuħ u jgawdu l-ambjent ta’ barra u mhux jingħalqu ġewwa djarhom minkejja li jkunu fuq sick leave. Filwaqt li ċerti problemi ta’ saħħa jirrikjedu li persuna toqgħod ġewwa biex tirkupra u tfiq, l-ambjenti miftuħin huma ta’ benefiċċju għas-saħħa mentali.
“Persuna minn kull erbgħa tesperjenza problemi ta’ saħħa mentali matul ħajjitha. Din l-istatistika turi biċ-ċar li rridu naqbdu l-barri minn qrunu u niffaċċjaw ir-realtà. Għadda ż-żmien li nistħu jew nibżgħu nitkellmu dwar dan is-suġġett. Kulmin xi mument jew ieħor f’ħajtu jbati minn diżordni mentali jrid isib l-appoġġ u jingħata għajnuna professjonali. Il-ħidma li ssir mill-Fondazzjoni Richmond tfisser ħafna għal min għaddej minn tali sfidi,” saħaq Dr Agius Saliba.
Filwaqt li rrikonoxxa l-avvanzi li saru fuq livell nazzjonali f’dan ir-rigward, Agius Saliba qal li jeħtieġ li jkun hemm aktar skambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri tal-UE dwar is-saħħa mentali bil-għan li, apparti l-politika nazzjonali, is-suġġett ikun indirizzat b’mod ħolistiku fuq livell Ewropew.
Id-diżordnijiet mentali huma fost l-aktar kategoriji ta’ mard prevalenti fl-Unjoni Ewropea, tant li jeżisti r-riskju li jsiru “il-kanċer tas-seklu 21”. Id-diżordnijiet mentali huma waħda mill-kawżi ewlenin li jwasslu biex persuna ma tmurx għax-xogħol u anke tasal biex tirtira qabel iż-żmien.
Alex Agius Saliba temm jgħid li jekk irridu soċjetà f’saħħitha minn kull aspett, is-saħħa mentali trid titpoġġa bħala prijorità fil-ħidma kemm nazzjonali kif ukoll Ewropea.