Pajjiżna dalgħodu sebaħ b’għadd ta’ strixxuni u billboards bil-kliem ‘Is-Saħħa lill-Maltin’, it-tema li l-Partit Laburista qed juża għal din il-kampanja elettorali tiegħu għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali tat-8 ta’ Ġunju li ġej.
Is-slogan, li ġie żvelat proprju qabel id-diskors tal-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela fl-għeluq tal-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista l-Ħadd filgħodu, jixhed fejn tħabbat qalb il-Moviment Laburista favur aktar ġid u għajxien aħjar għall-Maltin u l-Għawdxin kollha, kemm fil-komunitajiet lokali u anke fuq livell Ewropew.
Bl-istess isem ta’ ‘Is-Saħħa lill-Maltin’, tnediet ukoll il-kanzunetta uffiċjali li se takkumpanja lill-Partit Laburista f’ħidmietu lejn l-elezzjonijiet fil-ħames ġimgħat li ġejjin u lil hinn.