Il-Partit Laburista ġabar is-somma sabiħa ta’ €510,816, waqt maratona ġbir ta’ fondi ta’ ħdax-il siegħa.
Din il-maratona ġbir ta’ fondi li saret fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista u mxandra fuq l-istazzjonijiet ONE, saret ġimgħa wara li bdiet il-kampanja elettorali tal-Partit Laburista għall-elezzjonijiet tat-8 ta’ Ġunju li ġej, bit-tema ‘Is-Saħħa lill-Maltin’.
Fi tmiem din il-maratona ġbir ta’ fondi kien il-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista Randolph De Battista li ħabbar is-somma miġbura min-nies b’risq il-Partit Laburista.
Sadanittant, preżenti għal din il-maratona ġbir ta’ fondi kien hemm il-Prim Ministru Robert Abela, flimkien ma’ martu Lydia u binthom Giorgia Mae.
F’messaġġ li għamel il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela qal li fi żmien Gvern Nazzjonalista kienu jaslu l-kontijiet u issa l-familji u l-ħaddiema qegħdin jirċievu ċ-ċekkijiet.
Qal li din is-somma li nġabret b’risq il-Partit Laburista timlih b’saħħa u appella sabiex din il-ħidma tibqa’ għaddejja fil-ġimgħat li ġejjin waqt din il-kampanja elettorali għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u l-Kunsilli Lokali.
Matul din il-maratona ġbir ta’ fondi kien hemm bosta membri tal-Kabinett, deputati Laburisti u anki d-disa’ kandidati għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew u kandidati għall-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali.