F’isem il-Partit Laburista, għall-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali fit-tmienja ta’ Ġunju li ġej, ħerġin tliet mija u wieħed u tmenin kandidat.
It-tnedija uffiċjali saret is-Sibt filgħodu mill-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela fiż-Żona tal-Kunċerti f’Ta’ Qali.
“Għandna tim b’saħħtu ta’ kandidati, b’taħlita ta’ Sindki u kunsilliera b’ħafna esperjenza. Magħhom jingħaqdu kandidati ġodda żgħażagħ u nies li ġejjin minn kull sfera tal-ħajja, tas-soċjetà tagħna. Dan it-tim li hawn warajja huwa l-aqwa għażla biex inkomplu nibnu fuq dak li ksibna diġà.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Dr Abela qal kif il-Partit Laburista se jkollu manifest f’kull lokalità f’Malta u f’Għawdex, u dawn il-kandidati jridu jaħdmu għall-ġid tal-komunitajiet.
Hawnhekk semma kif il-prijoritajiet tal-Gvern huma l-prijoritajiet tan-nies, fosthom b’aktar spazji miftuħa fil-qalba tal-komunitajiet, aktar indafa, bini sostenibbli u infrastruttura effiċjenti.
“Irridu li jkollna aktar rotot tat-trasport pubbliku, aktar infrastruttura għaċ-ċiklisti u iżjed infrastruttura li tkun condusive għall-eletrifikazzjoni tal-vetturi.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Ma’ dawn, il-Prim Ministru semma prijoritajiet oħra għall-Partit Laburista, fosthom li l-anzjani jkunu aktar attivi u siguri, waqt li jkun hemm aktar tisħiħ kulturali fil-lokalitajiet.
“Dan il-partit jibqa’ s-soluzzjoni biex il-Maltin u l-Għawdxin ikollhom is-saħħa fil-lokalitajiet tagħhom. Se naslu għax nemmnu u għandna fiduċja sħiħa f’pajjiżna. Se naslu għax il-politika tagħna hi bbażata fuq l-imħabba għal pajjiżna u fuq limħabba għall-poplu tiegħu. Se naslu għax iffukati fuq li nibqgħu nagħmlu l-ġid għall-komunitajiet Għawdxin u Maltin. Is-saħħa lir-residenti, is-Saħħa lill-Għawdxin, is-Saħħa lill-Maltin.”
Il-Prim Ministru Robert Abela