Fl-elezzjoni tal-kunsilli lokali tal-gżira Għawdxija, il-Partit Laburista se jkun irrappreżentat minn ħamsa u ħamsin kandidat.
Is-Sibt filgħaxija, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela nieda b’mod uffiċjali t-tim ta’ kandidati għall-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali f’Għawdex.
Il-Prim Ministru sostna li f’din il-gżira hemm tim b’saħħtu ta’ kandidati, li jinkludi taħlita ta’ nies ta’ esperjenza u oħrajn ġodda fil-politika; ilkoll ġejjin minn sferi differenti tal-ħajja iżda b’għan wieħed: li jaħdmu bis-sħiħ għal din il-gżira tant sabiħa.
“Għawdex jaqdef ’il quddiem għal rasu. Nazzarda ngħid li hemm bosta oqsma li huwa ta’ eżempju għal Malta. Dejjem pass qabel, mutur tal-bidla. Il-Kunsilli Lokali għandhom iva sehem f’dan kollu li jaħdmu id f’id u spalla ma’ spalla mal-Gvern.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Dr Abela sostna li Għawdex għandu jkun gżira ta’ villaġġi, id f’id mal-strateġija li ssawret min-nies għan-nies.
Il-Prim Ministru qal kif f’Għawdex ukoll, bħal Malta, kull raħal se jkollu pjan ta’ ħidma speċifiku biex ikun isbaħ.
“Il-politika tagħna hija waħda li tagħti futur aħjar. Futur ta’ tama u futur li huwa wieħed sabiħ u fuq kollox se naslu għax iffukati fuq dak li nagħmlu l-ġid. Is-saħħa lir-residenti, is-saħħa lill-Maltin is-saħħa lill-Għawdxin.”
Il-Prim Ministru Robert Abela