Waqt il-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali tal-Unjoni Ewropea li tlaqqa’ b’mod informali, is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi reġa’ tenna l-pożizzjoni ta’ Malta dwar il-bżonn ta’ impenn ċar biex il-Kummissjoni Ewropea timplimenta Suq Waħdieni tal-Farmaċewtika għal kulħadd.
Huwa saħaq fuq l-importanza li nitgħallmu mill-esperjenza mill-pandemija COVID-19 u nassiguraw li jkun hemm aċċess ugwali għall-mediċini għal kull pajjiż tal-Unjoni Ewropea. Is-Segretarju Parlamentari Zrinzo Azzopardi rrimarka li idealment kull prodott mediku li jitpoġġa fis-suq għandu jkun disponibbli f’kull Membru Stat.
Rigward il-COVID-19, is-Segretarju Parlamentari saħaq fuq l-importanza li l-proċess tal-kunsinna tal-vaċċini jitħaffef kif ukoll li l-kumpaniji jonoraw l-obbligi tagħhom dwar l-iskeda ta’ tqassim tal-vaċċin. Huwa esprima l-opinjoni tiegħu dwar il-bżonn ta’ aktar studji biex tkun analizzata effikaċità tal-vaċċin kontra varjanti ġodda kif ukoll jekk il-virus jiġix trasmess minn min diġà huwa mlaqqam.
F’dan il-Kunsill, is-Segretarju Parlamentari rrefera wkoll għall-pajjiżi ġirien fin-naħa t’isfel tal-Ewropa, peress li din it-tema ser tkun fuq l-aġenda tal-mexxejja Ewropej din il-ġimgħa. Hu qal li għalkemm il-komunikazzjoni dwar il-pajjiżi ġirien fin-naħa t’isfel tal-Ewropa hija pass ’il quddiem, l-implimentazzjoni u kif se titħaddem din il-komunikazzjoni jibqgħu importanti. Malta iżda temmen li l-Libja kien jistħoqqilha attenzjoni akbar fil-pjan ta’ investiment. Minkejja li Malta tifhem id-diffikultajiet li jeżistu xorta waħda temmen li din kienet opportunità mitlufa.
Dan il-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali Informali tlaqqa’ biex iħejji l-aħħar preparamenti għall-Kunsill Ewropew li se jsir b’mod virtwali din il-ġimgħa. Ma dawn it-temi, ġiet diskussa wkoll l-konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa flimkien mar-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Renju Unit.