It-terminu diżabilità huwa wieħed wiesa’ u għalhekk il-ħtieġa li tingħata vuċi lill-persuni b’diżabilità tkompli dejjem tikber, qal il-President ta’ Malta George Vella waqt laqgħa virtwali organizzata mill-Malta Federation of Organisations Persons with Disability (MFOPD).
Fid-diskors tiegħu, il-President fisser li filwaqt li x-xogħol tal-Federazzjoni mhuwiex faċli, ċertament huwa importanti għax proprju joffri vuċi lill-għaqdiet kollha f’dan il-qasam. Il-President qal li s-saħħa fl-għaqda hija prinċipju li jaħdem kull fejn jiġi applikat inkluż f’dan il-qasam bil-għan li jinġibed ħabel wieħed.
Hekk kif is-sena l-oħra l-MFOPD iċċelebrat il-ħamsin anniversarju mit-twaqqif tagħha, il-President qal li jemmen li l-Federazzjoni għad għandha skop li twassal proposti u ideat ta’ kif il-ħajja ta’ persuni b’abbiltajiet differenti tista’ titjieb u tiġi integrata aktar fis-soċjetà inġenerali.
Il-President żied jgħid li hija x-xewqa tiegħu li jara li f’Malta jkollna soċjetà li tkun tassew ekwa u inklussiva u li tkun kapaċi tagħraf l-abbiltà flok id-diżabilità.