Ta’ dari kienu jgħidu li x-xitwa mara sewwa u s-sajf raġel xalatur.
Imma biex tixxala trid taħdem iebes u hekk kif jeqleb it-temp u tibda r-rebbiegħa dlonk naraw reklami u nies jiġru jmorru jagħmlu l-eżerċizzju biex meta s-sajf jibda jagħmel bina jkunu jistgħu jinżlu jċafċfu fil-baħar bla ħsibijiet żejda.Tassew jeżistu nies li għajnhom togħkorhom li jkun hemm min qed jgħarrex jekk dik l-imbierka malja tiġihomx sew u jekk hux floku libsu dik il-malja li jkollhom fuqhom.
Taħt sħab baxx magħruf bħala ħajbur, fejn ix-xemx xorta kienet qed tagħmel tagħha żorna xtajta fejn staqsejna bosta nies, Maltin u barranin jekk humiex konxji u jagħmlu l-eżerċizzju sabiex ikunu fl-aqwa daqs, fl-aqwa żmien tas-sena, is-sajf.
Bla dubju in-nies evolvew u saru iżjed konxji li l-eżerċizzju bżonnjuż mhux għal malja iżda għal saħħithom.
Jekk evolviet il-mentalità u l-attitudni, evolva wkoll id-disinn tal-malji li qabel kienu ferm tabù li titkellem imqar fuq dik id-daqxejn ta’ ċarruta li tgħatti s-sigrieti tal-ġisem.
Illum jeżistu diversi disinji tal-malji u ħarsa lura lejn xi album tar-ritratti li jurik x’kont tilbes għoxrin sena ilu fuq ix-xtajta u x’malja tilbes illum, dlonk tinduna li ż-żmien itir u ma jistenna lil ħadd.