Għalliema u Kap tad-Dipartiment tal-Matematika wettqet riċerka importanti sabiex jiġu identifikati sfidi fit-tagħlim tal-Matematika fost it-tfal fl-iskejjel tagħna.
Ta’ spiss nisimgħu dwar kif suġġett kumpless bħalma hu tal-matematika ġieli joffri diversi sfidi fost numru ta’ tfal li jsibuha diffiċli biex jifhmu xi kunċett.
Issa din ir-riċerka tista’ tintuża biex tipprovdi ħsibijiet għal modi ġodda tat-tagħlim li jgħinu jiżviluppaw aħjar il-ħiliet matematiċi tat-tfal.
Dan l-istazzjon tkellem ma’ din l-għalliema li propju għamlet din ir-riċerka imprezzabli li anki saret f’pajjiżi oħra Ewropej bis-saħħa tal-iskema tas-sabbatical li ħadet grazzi għal miżura li ħa l-Gvern.
Ruth Farrell, Kap tad-Dipartiment tal-Matematika stqarret, “Dan is-sabbatical jiena kont qed naħdem ma’ grupp ta’ riċerkaturi internazzjonali li qegħdin jaħdmu fuq l-identifikazzjoni tal-Maths learning difficulties, jiġifieri dawk id-diffikultajiet li numru ta’ tfal jiltaqgħu magħhom u minħabba fihom ma jkunux jistgħu jiżviluppaw fil-ħiliet Matematiċi tagħhom. Flimkien ma’ dawn ir-riċerkaturi minn pajjiżi oħrajn qegħdin naħdmu flimkien biex nagħmlu din l-assessment battery, sensiela ta’ testijiet li bihom inkunu nistgħu niddentifikaw il-problemi minn fejn ikunu ġejjin.”
L-iskema tas-sabbatical bdiet fl-elfejn u ħmistax għall-edukaturi kollha u li permezz tagħha waqqfu mill-klassijiet biex komplew jimxu ’l quddiem fl-iżvilupp personali tagħhom bla ma jitilfu xejn mis-salarju tagħhom.
Kemm ilha li bdiet l-iskema bbenefikaw erbgħin għalliem, bl-aktar sena li gawdew minnha kienet meta ħarġet u bl-inqas, sentejn ilu.
Kif tispjega l-għalliema Ruth Farrell, din kienet miżura importanti biex tgħin l-edukaturi jimxu ‘l quddiem.
Farrell kompliet,“U li tikkordina dawn l-affarijiet kollha bejn għaxar skejjel fi tliet xhur sħaħ, ma kinitx xi ħaġa faċli. Kieku ma kelliex is-sabbatika din it-tip ta’ riċerka kien ikollha tieqaf, ma ssirx.”
Gaetano Bugeja, mill-Ministeru tal-Edukazzjoni sostna li l-applikazzjoni għas-sabbatical hija waħda mimlija dettalji importanti u ġeneralment tinfetaħ matul Frar jew Marzu.
Is-Sur Bugeja spjega, “Hemm reference li wieħed irid iġib, jiġifieri m’għand nies li jafuh. Hemm ftit dettalji mhux ħażin. Wieħed jiġbor id-dettalji kollha u jimla l-applikazzjoni imbagħad issir evalwazzjoni, jiġifieri jkun hawn kumitat hawn hekk, intern, illi jħares lejn l-applikazzjonijiet, jingħataw il-punti u kull min jaqbeż in-nofs tal-punti, kullħadd jingħata din l-opportunità.”
Il-ħsieb wara din il-miżura għaqlija mhux biss huwa għajnuna lill-għalliema biex jimxu ‘l quddiem huma fuq livell personali iżda b’dak li jkunu għamlu jħallu l-frott anki fl-istess qasam li jaħdmu.
Dan tistqarru Ruth Farrell fejn ir-riċerka tagħha tista’ tgħid hija proġett fertili għal iktar żvilupp fl-għarfien tal-Matematika.
“Imma fil-qasam tal-Matematika għadna mexjin daqshekk wara, mhux biss hawn Malta imma wkoll f’pajjiżi tal-Ewropa. Ovvjament dan il-proġett u dan ir-riċerka ħa sservi bħala bażi għal riċerkaturi oħra li ġejjin fil-futur.” Ikkonkludiet Farrell.