Id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kontinwament qed jaġġorna l-istrateġija tiegħu sabiex jadatta mar-realtajiet tal-lum il-ġurnata.
Stqarr dan id-Direttur tad-Dipartiment is-Sur Emanuel Psaila meta kien qed jitkellem ma’ ONE News rigward il-pjanijiet tal-Protezzjoni Ċivili għaż-żmien li ġej.
Is-Sur Psaila sostna li biex id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili dejjem jibqa’ jtejjeb l-effettività tiegħu, irid jagħraf realtajiet konsistenti maż-żmien li ngħixu fih u jinvesti b’konformità.
Semma kif fost oħrajn id-Dipartiment qed jinnota b’mod konsistenti każijiet ta’ emerġenza f’bini għoli. B’hekk spjega l-investiment favur dan kemm f’makkinarju, vetturi u apparat iżda anke f’taħriġ.
“Ma tistax tħalli barra relatajiet ġodda. Nafu li issa fil-pajjiż qed ikollna dawk li ngħidiluhom high rise bulidings, il-bini għoli. L-istess rajna x’inhi l-metodoloġija li jużaw pajjiżi oħra, aħna normalment noqogħdu fuq il-metodoloġija Ingliża peress li għandna storja li tmur lura dejjem kienet kompatibbli mas-servizzi Ingliżi. Sibna espert fuq is-suġġett u ta’ kull sena jiġi Malta u jgħallem 30 persuna bħala teorija.”
Emanuel Psaila spjega li fil-fatt hekk kif bħalissa hemm kważi 100 persuna mħarrġa f’din it-tip ta’ emerġenza issa jmiss simulazzjoni.
“Dawn is-sittin peruna, kważi 100 persuna li għandna mħarrġin iridu mit-teorija lgħaddu għall-prattika u għal Novembru għandna programmat jekk ma jinqala’ xejn, għandna eżerċizzju f’bini għoli.”
Is-Sur Psaila semma wkoll kif is-sħana tas-sajf li saret tikkaratterizza lil pajjiżna wkoll hija realtà ġdida li tista’ twassal għal nirien kbar u għalhekk l-importanza li d-Dipartiment ikun preparat għal dan ukoll.
“Jekk ikollna grass fire ta’ natura kbira hemm ukoll trid taħdem bi strateġija. Hemm trid tibgħat il-vetturi ż-żgħar ġewwa man-nirien imma barra jrid ikollok it-trakkijiet il-kbar, il-bowsers tal-ilma biex joqogħdu jmorru fl-istazzjon jimlew kemm joħorġu fit-triq, jimlew u jkomplu bix-xogħol.”
Realtà ġdida li semma s-Sur Psaila kienet dik ta’ tiġrif ta’ bini jew każ ta’ terremot. Hawnhekk id-Dipartiment investa bil-qawwi f’vetturi mimlija b’apparat apposta bħal dak ta’ tiftix, drones, control unit u anke dawl f’każ li ħidmet dawk li jsalvaw il-ħajjiet ikun bil-lejl.