Id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili qed jappella għall-kawtela fid-dawl tal-maltemp qawwi li bħalissa qed jaħkem lill-gżejjer Maltin.
Fi stqarrija dan id-Dipartiment saħaq biex wieħed ma jpoġġix lilu nnifsu fil-periklu bla bżonn u jiġu evitati postijiet fejn jaħkem il-baħar jew jgħaddi l-ilma, bħal pereżempju widien.
Fiċ-ċirkostanzi preżenti, id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili rdoppja r-riżorsi tiegħu sabiex ilaħħaq mas-sejħiet li qegħdin isirulu.
Dan hekk kif r-rapporti juru li din hija waħda mill-agħar maltempati f’ħafna żmien.
Id-Direttur Ġenerali Emanuel Psaila, spjega li bħalissa r-riżorsi tal-Protezzjoni Ċivili huma ffukati fuq operazzjonijiet ta’ salvataġġ, għalhekk appella lill-pubbliku sabiex iċempel fuq in-numru 112 f’każijiet tal-ikbar emerġenza.
Filwaqt li sostna li ma hemmx lok għall-paniku.
Psaila spjega kif operazzjonijiet oħrajn, fosthom għajnuna biex jiġu kkontrollati għargħar, se jibqgħu għaddejjin, madankollu, il-prijorità tad-Dipartiment tkun dejjem każijiet fejn jista’ jkun hemm ħajja f’periklu.
Ritratt: Civil Protection Malta/ Facebook