L-operazzjoni ta’ trasferiment tal-gass bejn żewġ bowsers fil-Mellieħa għadha għaddejja u mistennja tieħu l-ħin minħabba li hija parti minn proċess metikoluż. Esperti fil-qasam li tkellmu ma’ one.com.mt spjegaw kif il-proċess irid il-ħin tiegħu hekk kif il-gass jista’ jiffriża u jkisser il-valvi li jinsab għaddej minnhom bil-konsegwenza li joħroġ kollu fit-triq.
L-inċident seħħ aktar kmieni dalgħodu għall-ħabta tal-10:15 ta’ filgħodu fi Triq il-Qasab fiż-żona ta’ Santa Marija Estate fil-Mellieħa. Minn informazzjoni li ksibna jidher li bowser tal-Liquigas żviluppawlu xi ħsarat bil-konsegwenza li beda jarmi l-gass fit-triq. Immedjatament fuq il-post issejħu membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni mill-istazzjon tax-Xemxija li għalqu t-triq u bdew inaqqsu mill-konċentrazzjoni tal-gass billi tefgħu ammont sostanzjali ta’ ilma. Jassistu lid-DPĊ hemm ukoll inġiniera tal-Liquigas li qed jipprovdu l-informazzjoni teknika dwar il-bowsers u l-materjal li fihom.
It-triq għadha tinsab magħluqa hgħat-traffiku u mistennija tibqa magħluqa sakemm titlesta l-operazzjoni.