Is-66 immigrant li ġew salvati mill-armata u li ġie allegat mill-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-ġustizzja Jason Azzopardi li s-suldati wettqu attentat ta’ qtil fuqhom, huma mistennija jixhdu nhar it-Tlieta li ġej.
Sorsi qrib l-investigazzjoni kienu qalu lil one.com.mt li minkejja li l-kwarantina ta’ dawn l-immigranti għaddiet nhar ilbieraħ, fuq parir tal-awtoritajiet tas-saħħa, l-immigranti baqgħu jinżammu f’iżolament bħala prekawzjoni għas-saħħa ta’ kulħadd.
Intant illum issoktat l-inkjesta fuq l-armata.
Dalgħodu fil-bażi tal-ajru tal-armata f’Ħal Kirkop kien hemm il-Maġistrat inkwirenti Joe Mifsud u anki l-espert tal-Qorti Martin Bajada.
Jason Azzopardi rrinunzja lilu nnifsu mill-kwerela li fetaħ u b’hekk ħarab mill-akkużi li għamel, jum biss wara li informazzjoni li ressqet l-għaqda Repubblika stess giddbet l-allegazzjonijiet li saru fuq is-suldati.
Din l-informazzjoni kienet tgħid li l-allegat sabutaġġ tad-dgħajsa ma kien xejn għajr proċedura normali ta’ salvataġġ li ssir mis-suldati għal nies li jkunu bejn sema u ilma.
Din l-informazzjoni anki ġiet ikkorraborata mill-membri tal-ekwipaġġ tal-patrol boat P52.
L-avukat Herman Mula li qed jassisti lis-suldati wara li l-GWU daħlet biex tgħin lis-suldati involuti biex ma jidħlux fi spejjeż legali kien saħaq li apparti l-11-il suldat tal-patrol boat hemm aktar minn erbgħin suldat li ġew mitkellma mill-inkjesta Maġisterjali.
Id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi saħansitra akkuża lill-Prim Ministru Robert Abela u lill-Brigadier Jeffrey Curmi bi qtil volontarju ta’ immigranti.
Ġimgħa ilu, fl-ewwel reazzjoni tiegħu, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia ddefenda l-aġir ta’ Jason Azzopardi, imbagħad jiem wara kompla jiddefendih anki jekk qal li ma kienx jaf minn qabel x’se jagħmel Azzopardi.