L-Unjoni Ewropea tinsab f’salib it-toroq storiku u l-okkażjoni tas-60 anniversarju tagħha fil-25 ta’ Marzu tipprovdi lill-Istati membri tagħha b’opportunità biex jevalwaw fejn sejra l-Unjoni, u jidħlu għal djalogu miftuħ u sinċier dwar il-ġejjieni komuni tagħhom, qal Carmelo Abela, il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali.
“Il-futur tal-UE jinsab f’idejna. Irridu nindirizzaw it-tħassib u l-frustrazzjonijiet tan-nies, filwaqt li naħdmu biex nagħmlu d-differenza f’kull livell,” qal il-Ministru f’Berlin – f’isem id-Deputat Prim Ministru għall-Affarijiet Ewropej u Twettiq tal-Manifest Elettorali Louis Grech – waqt laqgħa tal-Ministri li jattendu l-Kunsill tal-Affarijiet Ġenerali tal-UE u li jagħmlu parti mill-Partit tas-Soċjalisti Ewropej (il-PES). Il-Ministri skambjaw fehmiet bi tħejjija għas-60 anniversarju tat-Trattat ta’ Ruma, b’enfasi speċjali fuq id-dimensjoni ekonomika u soċjali tal-UE, kif ukoll dwar l-isfidi interni u esterni li għandha quddiemha.
“Fis-sitwazzjoni ta’ bħalissa fl-Unjoni, jeħtieġ li terġa’ turi wiċċha r-ruħ soċjali tal-Ewropa,” qal il-Ministru Abela. “Ewropa soċjali b’saħħitha jgawdi minnha kulħadd. It-tkabbir ekonomiku jrid ikun akkumpanjat mill-ħolqien tax-xogħol, li jtejjeb il-benesseri tan-nies billi jikkontribwixxi għall-ġlieda kontra l-faqar u kontra l-esklużjoni soċjali.”
Ritratt: MHAS