Is-Segretarju Parlamentari għall-Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva, Anthony Agius Decelis ipparteċipa fis-56 sessjoni tal-Kummissjoni għall-Iżvilupp Soċjali fil-Kwartieri Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti ġewwa New York. It-tema ta’ din is-sessjoni kienet li jiġi assigurat li ħadd ma jitħalla barra, u s-sessjoni ffukat fost l-oħrajn fuq ix-xogħol, il-familja, il-faqar, l-anzjanità, l-inklużjoni soċjali, iż-żgħożija u d-diżabilità.
Agius Decelis fl-interventi informali u laqgħat bilaterali, enfasizza l-progress ta’ Malta li qed tilħaq ir-rakomandazzjonijiet tal-Konvenzjoni tal-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità, u s-suċċess tal-Gvern li qiegħed iżid l-inklużjoni tal-persuni b’diżabilità fis-soċjetà. Huwa stqarr li s-Segretarjat Parlamanetari għall-Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva qed jaħdem bis-sħiħ sabiex jassigura servizzi varji għall-persuni b’diżabilità u mhux jingħata tip ta’ servizz wieħed għal kulħadd. Dan sabiex is-servizzi jkunu jaqblu mal-ħtiġijiet diversi ta’ kull persuna b’diżabilità. L-għan tal-gvern Malti huwa li l-persuni b’diżabilità jibqgħu jgħixu fil-komunità u jkollna livell għoli ta’ inklużjoni soċjali.
Is-Segretarju Parlamentari stqarr li Malta kienet strumentali fil-kitba ta’ Vienna International Plan of Action on Ageing tal-1982. Malta hija wkoll waħda mill-ftit pajjiżi fid-dinja li għandha pjan nazzjonali għal anzjanità attiva u għad-dimensja.