L-applikazzjoni għall-bini ta’ supermarket fuq art verġni f’San Ġwann ġiet irtirata. Ħabbar dan is-Sindku tal-lokalità, Trevor Fenech, permezz ta’ post fuq Facebook fejn wera wkoll ritratt tal-istat tal-applikazzjoni minn fuq is-sit tal-Awtorità tal-Ippjanar fejn jingħad li din issa ġiet irtirata.
L-applikazzjoni għal żvilupp ta’ supermarket, parkeġġ, uffiċini u mħażen anċillari fuq medda ta’ 7,000 metru kwadru fl-inħawi magħrufa bħala Ta’ Ġnien Tut, biswit skola fiż-żona Tal-Balal, kienet sabet l-oġġezzjoni ta’ ħafna.
Fil-fatt, il-Prim Ministru Robert Abela fl-aħħar jiem ukoll iddikjara l-pożizzjoni tiegħu kontra dan il-proġett hekk kif iddeskrivh bħala wieħed li hu non-starter u li mhuwiex parti mill-viżjoni ta’ Gvern Laburista.
Is-Sindku spjega li kien ċar kristall li, kieku baqgħet għaddejja din l-applikazzjoni, hu kien se jaħdem qatigħ kontriha, flimkien mal-Kunsill Lokali.
Fenech sostna li jinsab sodisfatt li s-sens komun rebaħ fi stadju hekk bikri u radd ħajr ukoll għall-appoġġ kontinwu li sab mill-Prim Ministru Robert Abela biex din iż-żona ma tintmissx.
Waqt li rringrazzja wkoll lir-residenti tal-appoġġ tagħhom, wiegħed li se jibqa’ jaħdem favur in-nies tal-lokal. Hu temm il-messaġġ tiegħu billi sostna li vot għall-Partit Laburista fit-8 ta’ Ġunju jfisser vot favur vuċi soda u effettiva għan-nies ta’ San Ġwann.