Ġiet irtirata applikazzjoni għall-iżvilupp għall-bini ta’ lukanda ta’ 8 sulari fiż-żona ta’ San Pawl il-Baħar magħrufa bħala tal-Veccia.
Dan l-irtirar intalab mill-perit tal-applikant waqt is-seduta tal-lum quddiem il-Kummissjoni tal-Ippjanar. Il-proġett, li kien diġà rakkomandat għal rifjut mill-Awtorità tal-Ippjanar, kien jikkonsisti fit-tneħħija u tħaffir taħt it-terrazzin ta’ quddiem ta’ maisonette eżistenti fil-pjan terran.
Ix-xogħlijiet kienu jinvolvu l-kostruzzjoni ta’ lukanda ta’ 3 stilel ta’ 22 kamra, b’sular imnaqqas fuqu u kantina taħt l-art. Il-lukanda proposta kienet ippjanata li tinkludi restorant, gym, u pixxina fuq il-bejt.
Skont il-Kummissjoni tal-Ippjanar, l-iżvilupp propost, waqt li jinsab maġenb Żona ta’ Konservazzjoni Urbana (UCA), imur kontra d-dispożizzjonijiet tal-Pjan Lokali tal-Majjistral. Ix-xogħlijiet proposti marru wkoll kontra l-Politika ta’ Aġġustament tal-Limitazzjoni tal-Għoli għal-Lukandi. It-trattament propost tal-ħitan tal-ġnub tal-binja ma’ kienux aċċettabbli lanqas, u l-pjanijiet tal-proġett kienu f’kunflitt mal-Objettiv Urban 4 tal-SPED, li għandu l-għan li jiżgura li l-iżviluppi ġodda kollha jtejbu l-estetika taż-żona.