Applikazzjoni biex tinbena pompa tal-fjuwil fil-bypass ta’ Birkirkara, viċin l-Iklin, kienet irtirata llum mill-applikant stess. L-istess proposta kellha tkun diskussa u deċiża mill-Bord tal-Awtorita’ tal-Ippjanar jumejn oħra.
L-applikazzjoni kienet ikkunsidrata li ma tissodisfax l-eliġibiltà u l-kriterja tal-postijiet stabbiliti fil-politika tal-pompi tal-fjuwil. Din kienet ukoll f’kunflitt mal-Pjan Lokali taċ-Ċentru ta’ Malta, li jgħid li s-sit huwa riservat għal skopijiet edukazzjonali.
Id-Direttorat tal-Ippjanar kien qed jirrakomanda lill-Bord biex jirrifjuta l-applikazzjoni.
Il-proposta oriġinali, fuq is-sit li jinsab barra miż-żona tal-iżvilupp, kienet tinkludi l-bini ta’ pompa tal-fjuwil u faċilità għall-ħasil tal-karozzi, ħanut, kamra tal-kontroll u spazji ta’ parkeġġ.