Il-kumpanija barranija tal-immaniġġjar tal-iskart, FCC Medioambiente, li kienet ħadet passi fil-Qorti kontra l-għoti tal-kuntratt għall-bini tal-faċilità tal-Waste-to-Energy tal-WasteServ, issa waqqgħet dan l-appell.
Permezz tal-avukati tagħha, il-kumpanija qalet fil-Qorti li mhux se tibqa’ tappella mid-deċiżjoni tal-WasteServ li tagħti l-kuntratt lill-kumpanija rebbieħa Paprec Energies.
Fi stqarrija, il-Wasteserv kienet qalet li l-proċess ta’ akkwist sar b’mod effiċjenti u ekwu u dan wassal għar-rakkomandazzjoni li l-proġett jingħata lil Paprec Energies International – BBL Malta.
Il-kumpanija FCC Medioambiente kienet waħda minn tlieta li tefgħu l-offerta tagħhom għal dan il-proġett massiċċ fil-Magħtab.
La titlesta, din il-faċilità se tagħmel bidla rivoluzzjonarja fil-qasam tal-immaniġġjar tal-iskart f’pajjiżna u se tgħin ukoll biex Malta titbiegħed mill-politika tal-miżbliet u tagħmel it-tranżizzjoni lejn l-ekonomija ċirkolari.