Wara qbil unanimu, Catherine Fenech inħatret bħala Segretarju tal-Eżekuttiv Nazzjonali tal-Partit Laburista.
Fenech hija t-tieni mara li se tokkupa din il-kariga, u se tieħu post Lydia Abela, mart il-Prim Ministru, li serviet bħala l-ewwel Segretarju tal-Eżekuttiv Nazzjonali għal dawn l-aħħar 10 snin.
Catherine Fenech ilha snin twal timmilita fil-Partit Laburista, fosthom fl-Għaqda Żgħażagħ Soċjalisti, delegata tal-Partit Laburista, membru f’Nisa Laburisti, parteċipanta f’LEAD u 5 snin membru fl-Eżekuttiv tal-Partit Laburista.
F’kummenti ma’ ONE News, Fenech tenniet l-impenn tagħha biex taħdem fl-interess tal-Partit Laburista. Hija stqarret: “Inwiegħed li, kif dejjem stqarr il-Prim Ministru, inkunu dejjem iktar viċin il-grassroots tagħna u wkoll insaħħu l-parteċipazzjoni tan-nisa fil-ħajja politika u nwiegħed b’impenn li naħdem bis-sħiħ li dan il-Partit Laburista jibqa’ l-għażla naturali tal-poplu Malti u Għawdxi kollu.”
Fl-ittra ta’ riżenja tagħha, Lydia Abela saħqet li qed tirriżenja għax temmen bis-sħiħ fl-idea li kull mara għandha tiġi kkunsidrata b’mod awtonomu skont il-kapaċitajiet tagħha u mhux għax il-mara hija sempliċiment estensjoni ta’ żewġha.
Qalet ukoll li se tiddedika aktar enerġija biex tgħin lil żewġha fir-responsabbiltajiet importanti li għandu fl-irwoli tiegħu.
Dr Abela qalet: “Qed nirriżenja mhux għaliex jiena l-mara tal-Prim Ministru imma biex inkun nista’ ngħinu aktar fl-irwol tiegħu bħala Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista.”
Hija rringrazzjat lill-eks Prim Ministru u eks Mexxej tal-Partit Laburista Joseph Muscat għall-fiduċja li wera fiha, u lill-Eżekuttiv Nazzjonali li kkonferma l-kariga tagħha għal snin konsekuttivi: “Nixtieq nawgura lis-suċċessur tiegħi u nixtieq nirringrazzja lill-Partit Laburista ta’ din l-opportunità li tani għaliex f’din il-kariga stajt nifhem aktar lill-Partit Laburista u nħobb aktar lill-membri tal-Partit Laburista.”
Fi stqarrija, il-Partit Laburista qal li l-ħatra ta’ Catherine Fenech tissimbolizza d-direzzjoni tal-Partit Laburista li jmur għall-għeruq tiegħu, kif ukoll l-impenn li jkun hemm aktar parteċipazzjoni tan-nisa fil-ħajja politika u pubblika.